Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius nedew konsultazzjoni pubblika dwar inizjattiva ġdida ta’ għoti ta’ Ċittadinanza għall-Mertu.
Permezz ta’ din l-inizjattiva Malta tkun tista’ tagħti ċ-ċittadinanza lill-persuni li taw servizz eċċezzjonali lill-pajjiż jew lill-umanità, jew inkella li n-naturalizzazzjoni tagħhom tkun ta’ interess eċċezzjonali għal Malta.
Il-proposta tinvolvi abbozz li se jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, li jkun segwit minn Avviż Legali, u tkopri esklussivament ħames setturi ta’ interess partikolari għal Malta, li huma x-xjenza, ir-riċerka, l-isport, l-arti u l-kultura.
Min-naħa tiegħu, Chris Agius qal li dak li qed jipproponu fil-White Paper huwa xi ħaġa li pajjiżi oħra ilhom jagħmluha, filwaqt li ta eżempji varji mill-qasam sportiv f’dixxiplini diversi, u mill-qasam tar-riċerka. Żied jgħid li l-persuni li se jibbenefikaw minn din l-inizjattiva mhux biss se jkunu qed jgħinu lilhom infushom u lil pajjiżna, iżda se jkunu qed joffru wkoll kompetizzjoni denja lill-atleti u lir-riċerkaturi lokali, filwaqt li jkomplu jxettlu kultura differenti minn dik li nafu biha aħna u li żgur se nkunu nistgħu nitgħallmu minnha.
Dan ikompli jixpruna aktar talent, sostna s-Segretarju Parlamentari. Chris Agius spjega li jekk nibqgħu nikkompetu mal-istess atleti bravi Maltin, il-livell tagħna jibqa’ dak li hu, għalhekk inħeġġu lill-atleti tagħna biex imorru barra minn Malta u jikkompetu fil-qasam tar-riċerka, billi jaqsmu l-ideat tagħhom ma’ riċerkaturi oħrajn f’seminars u f’attivitajiet oħra. Huwa mifhum li l-piż finanzjarju li toffri kull esperjenza huwa kbir u aħna, permezz ta’ SportMalta, tal-Kumitat Olimpiku Malti u tal-MCST fil-qasam tar-riċerka, diġà qed ngħinu biex dan il-piż jittaffa. Madanakollu, din l-inizjattiva se ġġib l-esperjenza ta’ dawn in-nies f’pajjiżna u magħhom l-opportunità li l-Maltin jaħdmu magħhom id f’id.
Din il-proposta timxi fuq leġiżlazzjoni simili li għandhom kemm pajjiżi fl-Ewropa kif ukoll pajjiżi barra mill-Ewropa, li diġà daħħlu fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom il-possibilità ta’ ċittadinanza offruta lill-persuni li tistħoqqilhom, abbażi tal-kontribut lil dak il-pajjiż partikolari f’oqsma speċifiċi permezz tal-ispeċjalizzazzjoni jew tal-esperjenza tagħhom.
Din l-inizjattiva tipprovdi opportunità ta’ għoti ta’ ċittadinanza għal dawk l-individwi li diġà taw servizz eċċezzjonali lil Malta jew lill-umanità, u tħares ukoll lejn in-naturalizzazzjoni ta’ persuni li l-għoti taċ-ċittadinanza tkun ta’ interess eċċezzjonali għall-futur ta’ Malta u tissarraf f’benefiċċji sostanzjali għal pajjiżna.
Il-Ministru Bonnici qal li din l-inizjattiva se sservi biex inkomplu nkattru u nsaħħu s-setturi tal-kultura u tal-arti, tal-isport, tax-xjenza u tar-riċerka.
Il-Ministru spjega li l-proposta tinkludi għadd ta’ mekkaniżmi protettivi biex tiżgura li dawk biss li tassew jistħoqqilhom, jikkwalifikaw għal ċittadinanza taħt din l-inizjattiva. Primarjament, l-individwu jrid ikollu rabta ġenwina ma’ Malta qabel ma jkun f’pożizzjoni li japplika, u l-applikazzjoni tkun tirrikjedi prova ta’ residenza f’Malta għal mill-inqas tnax-il xahar qabel.
L-applikazzjoni teħtieġ l-approvazzjoni minn korp kompetenti li jinħatar skont il-qasam li fih l-applikant ikun se jagħti s-servizz tiegħu. Dan il-korp jista’ jkun l-Università ta’ Malta jew il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija fil-każi tax-xjenza u tar-riċerka; il-Kunsill Malti tal-Arti jew is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fil-każi tal-kultura u tal-arti; u l-għaqdiet nazzjonali tal-isports li huma reġistrati ma’ SportMalta fil-każ tal-isport.
Identity Malta tkun obbligata li twettaq proċess ta’ due diligence ibbażat fuq erba’ fażijiet u li jsir minn aġenziji internazzjonali rikonoxxuti u speċjalizzati fil-qasam tad-due diligence, u approvati minn Identity Malta għal kull applikant.
Fl-istess waqt kull applikazzjoni trid tiġi wkoll evalwata minn board ta’ evalwazzjoni bl-obbligu li dan iħejji opinjoni lill-ministru responsabbli bir-raġunijiet għal kull applikazzjoni.