Il-kirjiet għoljin ma jissolvewx b’taxxi fuq il-Maltin...
Nintaxxaw jew ma nintaxxawx il-proprjetà vojta? Ruben Anthony Xuereb jistaqsi dwar il-proposta ta’ Carmel Cacopardo
More in Politika
Nintaxxaw jew ma nintaxxawx il-proprjetà vojta? Ruben Anthony Xuereb jistaqsi dwar il-proposta ta’ Carmel Cacopardo
Fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-ILLUM, Carmel Cacopardo, il-Viċi Chairman tal-Alternattiva Demokratika u opinjonista fuq din l-istess gazzetta, kiteb artiklu dwar is-suq tal-kera f’Malta, li huwa ddeskriva bħala wieħed li “qiegħed jaqdi l-ħtiġijiet ta’ dawk li jaqilgħuha tajjeb u qed jinjora lil dawk fin-naħa t’isfel tal-iskala tad-dħul.”
Skont Cacopardo, waħda mis-soluzzjonijiet biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni hija li l-proprjetà li tkun vojta għal perjodu ta’ ħames snin jew iktar, tkun soġġetta għal ħlas ta’ taxxa li titħallas għal kull proprjetà li titħalla vojta.
Ir-raġunament wara din il-proposta ta’ Cacopardo huwa li jekk ikun hawn proprjetà disponibbli għall-kiri fis-suq, daqs (jew viċin) kemm hawn domanda, il-prezzijiet tal-kera privata jibdew jistabilizzaw jekk mhux ukoll jorħsu xi ftit.
Dwar din il-proposta ta’ Cacopardo, l-ILLUM staqsiet lil numru ta’ nies li b’xi mod huma involuti fis-suq tal-proprjetà. Fost dawn, din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ Sandro Chetcuti mill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin(MDA).
Ħafna proprjetà tkun magħluqa għax ma jkunx hemm domanda għaliha
Sandro Chetcuti qal lill-ILLUM li ma jaqbilx mas-suġġeriment ta’ Cacopardo bħala soluzzjoni biex tissolva l-problema tal-prezzijiet għoljin tal-kiri. Chetcuti spjega li l-proprjetà magħluqa u li mhux tintuża hija ta’ nies li bi dritt, ma jridux jitfugħha fuq is-suq u jħalluha magħluqa bħala investiment. Dan bl-iskop li ’l quddiem, tingħata lit-tfal tagħhom bħala residenza meta s-suq tal-bini jkun ogħla aktar u jkun diffiċli biex dawn jixtru għal rashom.
Chetcuti qal ukoll li ħafna proprjetà tkun magħluqa għax din ma jkunx hemm domanda għaliha, bħal per eżempju djar antiki, jew djar li jkunu f’kundizzjoni ħażina u sidhom ma jiflaħx iħallas għall-ispejjeż ta’ rinovazzjoni.
Chetcuti spjega li għandu jkun hemm distinzjoni bejn proprjetà li mhux tintuża u proprjetà dilapidata. Huwa qal li jekk għandha tidhol xi forma ta’ taxxa, għandha tkun fuq proprjetà mitluqa u perikoluża, li tkun maħmuġa u ta’ detriment għall-ġirien. F’dawn il-każi, taxxa forsi sservi ta’ detriment biex tikkonvinċi lil sid il-proprjetà jbigħa lil xi żviluppatur li jista’ jwaqqagħha u jtella’ appartamenti flokha.
Bħala żviluppatur, Chetcuti spjega kif bħalissa, il-problema hija li hawn ħafna appartamenti żgħar li qed jinkrew lil numru ta’ barranin li joqogħdu fi gruppi ta’ erba’ jew sitta fihom. Minħabba f’hekk, ikun normali li prezz ta’ appartament jitla’ ’l fuq minn €800 fix-xahar, għax saret norma li kirja titħallas bejn ħafna persuni.
“Kieku jingħataw permessi biex jinbnew aktar appartamenti żgħar, b’kamra tas-sodda waħda jew tnejn,” spjega Chetcuti, “ikunu koperti l-bżonnijiet ta’ nies singles u separati,” hekk kif spjega li kieku l-Awtorità tal-Ippjanar tagħti aktar permess għall-bini ta’ appartamenti żgħar, kulħadd igawdi. Min jikri, jagħmel l-istess qligħ (jew aktar) minn fuq tliet appartamenti singoli flok wieħed kbir, filwaqt li min jikri, ikollu disponibbli fuq is-suq appartament żgħir u privat li jista’ jgħix fih waħdu u jiflaħ iħallas għalih.