Suċċess kbir mill-ministri Maltin imtappan mill-ispettru tal-PaNama

Meta Malta ddominat il-Parlament Ewropew

Qattajt ġimgħa sħiħa fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Fejn din il-ġimgħa l-Parlament kien ‘tagħna lkoll’. Iddominat minn Malta. Minn kull kuridur li tgħaddi tara armati ta’ Maltin qishom suldati mexjin mal-ministru tagħhom. Ħaddiema mis-segretarjat, mill-Ministeru u Segretarjati Permanenti kollha wara l-ministru tagħhom, jaraw li kollox imur tajjeb. Barra dawn, kien hemm ukoll il-ħaddiema ta’ Dar Malta li wieħed seta’ jagħrafhom jew mix-xalla partikolari disinjata b’mod mill-isbaħ fuq l-attaches u l-policy officers femminili u l-ingravata l-ħamra fuq dawk maskili. Kollha taħt il-ħarsien jew aħjar il-gwida ta’ Cyrus Engerer. Dawn il-ħaddiema ta’ Dar Malta kienu l-moħħ wara kull preżentazzjoni ta’ kull ministru bix-xogħol u ħidma li għamlu fl-aħħar xhur.

Dan barra l-MPE Maltin, is-sitta li huma li kont issibhom iduru minn xi kumitat għall-ieħor skont l-aġenda tagħhom. B’dawk Laburisti biex jagħtu daqqa t’id lill-ministri Soċjalisti Maltin, u dawk Nazzjonalisti biex jagħtuhom xi daqqa ta’ mannara ’l isfel.

Anke ġurnalisti Maltin telgħu Brussell skont l-okkażjoni fejn jidher li l-aktar li interessathom kienet is-seduta dwar l-enerġija mmexxija minn Konrad Mizzi li għaliha tfaċċaw ġurnalisti aktar mis-soltu. Innutajna wkoll li fl-istess ġurnata, tfaċċa wkoll il-kap tal-Oppożizzjoni li ‘inzerta’ li fil-ġurnata li kellu l-preżentazzjoni Konrad Mizzi, ġie jieħu ritratt tal-okkażżjoni ma’ Manfred Weber il-kap tal-PPE u meta intervistajtu qalli wkoll li ġie jiltaqa ma’ Tajani, il-president il-ġdid tal-Parlament Ewropew. Għalkemm skantajt kif imbagħad għall-istess seduta dwar l-enerġija ma kien hemm ebda membru tal-PPE preżenti ħlief dawk Maltin u kienet l-inqas konferenza li kien hemm attendenza għaliha.

Kif tistgħu taraw, Parlament mimli bil-Maltin. F’kull sala jiddiskutu l-prijoritajiet tal-presidenza ta’ Malta, bl-ILLUM tipprova tkunu preżenti f’dawn il-kumitati. Ħassejtni kburi iva meta tisma’ membri minn diversi partiti Ewropej u minn kull pajjiż Ewropew ifaħħru lil Malta. Kburi meta jsemmu diversi affarijiet żgħar li huma nnutaw f’Malta bħal Kon Katidral ta’ San Ġwann u anke kien hemm min għoġbuh il-karozzi antiki tal-linja li skont dan qal li huma ta’ żmien l-Ingliżi. Kburi meta tisma’ lil kull Ministru Malti ppreparat sa snienu fuq is-suġġett partikolari tiegħu fejn kollha ntlaqgħu b’applaws minn dawk preżenti.

Kull ministru jew segretarju parlamentari li tkellem, kollha bdew bl-istess introduzzjoni, bl-istorja ta’ 60 sena Ewropea u li l-Presidenza Maltija se tagħmel minn kollox biex tinvolvi u taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew. Għax Malta għandha Prim Ministru li beda fil-Parlament Ewropew, il-Viċi Prim Ministru Louis Grech u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni. Xi ħaġa li ntlaqgħet ferm tajjeb mill-membri parlamentari. Għax hawn tgħallimt li l-Parlament Ewropew xejn ma jħares sabiħ lejn il-Kunsill tal-Ewropa, bl-Ingliż jgħidu ‘there is no love lost between them’. Insomma l-Maltin kienu preparati u wieġbu għal kull mistoqsija li saritilhom u kellhom suċċess kbir.

IŻDA...kien hemm xi ħaġa li tappnet dan is-suċċess, il-PaNama fejn il-membri parlamentari Nazzjonalisti u xi deputati mill-‘ħodor’ u anke mill-PPE (anke jekk mhux daqs kemm kien mistenni) fakkru u staqsew mistoqsijiet lil diversi ministri dwar l-iskandlu tal-Panama u anke dwar l-għajta tal-korruzzjoni fuq dan il-Gvern. Kien hemm ministri li dawn il-mistqosijiet u kritika għaddew riħ u injorawhom u oħrajn wieġbu b’mod li huma qegħdin jippreżentaw it-28 pajjiż Ewropew u mhux il-politika lokali. Skantajt li ħadd ma ċaħad it-tajn mitfugħ, iżda qalu biss li l-post adattat għal din id-diskussjoni, hu l-parlament Malti. Dan waqt li kien hemm min qal li hu eżaġerat, bil-ministru Bartolo jgħid li l-PN qed ipinġu lil Malta bħala moħba tal-ħallelin li mhux ġust.

Jekk tistaqsuni personalment x’naħseb jien, ngħid li iva dejqitni d-diska tal-korruzzjoni, u minn dak li nnutajt, rajt li ħafna mill-membri barranin ftit jew xejn interessahom mill-politika Maltija u wisq u wisq aktar mill-għajta tal-korruzzjoni. Anzi, kien hemm min qal li f’pajjiżu hekk hemm ukoll. Naħseb li ħafna mill-istess ħaġa ġġiegħel lin-nies li ma jagħtux kasek u jekk għandek raġun, jista’ jiġrilek bħal tal-lupu li jidrawk u meta vera jiġi l-lupu fuqek, ma jinduna ħadd u jħalluh iqattgħek. Għall-bidu kien hemm xi parlamentari li nġarru mal-kurrent u għaddew xi rimarka kontra l-korruzzjoni, iżda fl-aħħar kien hemm min anke beda jaqbeż għal Malta u jeħodha kontra d-deputati Nazzjonalisti.

Nasal biex naqbel ma’ Evarist Bartolo meta qalli f’intervista li dawn qed jagħmlu dan mhux biex iwasslu l-messaġġ fl-Ewropa għax dawn mhux jagħtu kashom, iżda biex il-media tirraporta l-każ f’Malta u jasal eżatt fejn għandu jasal, jiġifieri f’widnejn il-poplu Malti. Jekk dan hu l-fatt, allura rnexxielhom. Iżda l-Maltin, mhux dawk tal-qalba Nazzjonalista u lanqas dawk Laburisti ħorox, għoġbithom din l-idea li tipprova tpinġi lil Malta bħala pajjiż korrott? Lili m’għoġbitnix, u iva nħoss li tappnet is-suċċess Malti. Għalkemm min-naħa l-oħra, hemm min jgħid li l-Ewropa qiegħda hemm biex tħares l-interess tal-popli tagħha minn governanza miftuħa u trasparenti. Allura jekk hemm min qed jara li din mhux isseħħ, ma kellux dritt jitkellem dwarha fl-Ewropa meta għajnejn l-Ewropa kollha qiegħda fuq gżiritna?

Iżda nerġa’ nistaqsi, jekk inpinġu li Malta hi daqshekk korrotta f’fora u fi żmien meta qed jarana u jismgħana kulħadd ma taħsbux li dan jista’ jnaffar l-investitur nadif? U jekk jiġri dan, mhux il-poplu kollu se jbati? Gvern mingħajr flus la jista’ jgħolli salarji u lanqas benefiċċji soċjali.

Sikkina li taqta’ miż-żewġ naħat, però personalment kont nippreferi li din is-sikkina tintuża fil-Parlament u fil-fora Maltin, inkella fil-kumitati li huma maħluqa għalhekk (anke fl-Ewropa) milli fil-preżentazzjonijiet tal-prijoritajiet tal-presidenza Maltija. Kont nippreferi li fl-Ewropa nuru li aħna ġens wieħed b’diversità fil-mod kif naħsbuha, imbagħad inkomplu nissaħħnu u nitfgħu t-tajn ma’ wiċċ xulxin f’Malta. Anke jekk nippreferi aktar li nieqfu nwaddbu tajn min-naħa għall-oħra, għax il-politika mhux ibbażata biss mit-tajn iżda wkoll mill-ġid għall-poplu tagħna. Iżda naħseb qed nippretendi wisq, u l-ħolm tiegħi hu wieħed Utopiku.

Sadanittant, minn dawn il-paġni xorta rrid ngħid li miż-żewġ naħat sibt koperazzjoni kbira biex inwasslilkom il-messaġġi u l-aħbarijiet ta’ matul din il-ġimgħa u se nibqa’ nwasslilkom iż-żewġ ilħna u anke l-opinjoni tiegħi li ma tfissirx li hi l-istess opinjoni tad-direzzjoni ta’ din il-gazzetta. Jibqa’ fatt li din il-ġimgħa, fil-Parlament Ewropew ħassejtni kburi li jien Malti u anke jekk jien ta’ statura qasira ħassejtni nimxi b’rasi ’l fuq nħares fuq l-istess livell ta’ kull ċittadin Ewropew ieħor.

More in Politika