Il-maġġoranza tal-iswitchers Għawdxin jirritornaw lejn il-PN

Il-votanti Laburisti f'Għawdex jiddispaċihom iktar minn dawk Nazzjonalisti li vvutaw kif ivvutaw

Il-Partit Nazzjonalista f'Għawdex wera li qed jerġa' jsib saqajh u jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu hekk kif stħarriġ ippubblikat ilbieraħ mill-gazzetta oħt, MaltaToday juri li l-PN għandu vantaġġ ta' żewġ punti fuq il-Partit Laburista.

Minkejja dan, l-ikbar xaqliba kienet tidher f'dawk il-persuni msejħa switchers li fl-elezzjoni tal-2008 kienu vvutaw lill-PN, iżda fl-2013 vvutaw lill-PL. Meta mistoqsija lil min jivvutaw li kieku kellha ssir elezzjoni għada, l-iswitchers, fil-maġġoranza tagħhom jew 56.3% jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, u allura jerġgħu jirritornaw lejn il-Partit li vvutaw għalih lura fl-2008. Dan filwaqt li 31.3% biss tal-iswitchers Għawdxin jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista.

L-istess stħarriġ jitfa' wkoll dawl fuq diversi aspetti oħra tal-votanti Għawdxin, u fost l-oħrajn jindika kif votanti Laburisti iktar jiddispjaċihom li vvutaw lill-PL milli Nazzjonalisti lill-PN. Għall-mistoqsija, 'Jiddispjaċik bil-mod kif ivvutajt fl-2013?', kienu 15.6% ta' dawk li vvutaw lill-PL li qalu li jiddispjaċihom, meta mqabbel mal-4.8% ta' dawk li vvutaw lill-PN.

Minkejja dan, fil-punteġġi li l-Għawdxin taw lill-kapijiet taż-żewġ partiti, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu fuq quddiem, b'medja ta' 3.1% tal-punti meta mqabbel mat-2.9% tal- Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

More in Politika