'L-Għawdxin iħossu li l-Gvern ma żammx kellmtu...'

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said jemmen li n-numru ta' Għawdxin li qalu li se jivvotaw lill-PN żdied għax il-Gvern ma żammx il-wegħdi li għamlilhom qabel l-elezzjoni

Fid-dawl tar-riżultat tal-istħarriġ ippubblikat ilbieraħ mill-gazzetta MaltaToday, li wera li l-PN għandu vantaġġ ta' żewġ punti fuq il-Partit Laburista, illum.com.mt għamel kuntatt mal-kelliem tal-PN għal Għawdex, Chris Said biex jieħu l-opinjoni tiegħu dwar x'jaħseb li wassal għal din ix-xaqliba.

Chris Said qal li l-ewwel ħaġa, dan l-istħarriġ huwa biss indikazzjoni, u għandu jintuża bħala mod biex permezz tiegħu jitkejlu l-opinjonijiet ta' dawk mistoqsija, iżda minkejja dan, xorta indikazzjoni tas-sentiment li qed jikber fost l-Għawdxin. Said jemmen li l-fattur prinċipali li ħafna Għawdxin illum jgħidu li kieku jkollhom jivvutaw issa, jivvotaw lill-PN huwa l-fatt li l-Gvern ma żammx il-wegħdiet li għamel lill-Għawdxin qabel l-elezzjoni, b'mod speċjali dwar ix-xogħol f'Għawdex, l-aċċessibiltà, l-istat tat-toroq u s-saħħa.

Dwar il-wegħda li jiżdied u jitjieb ix-xogħol għall-Għawdxin f'Għawdex stess, Said saħaq li din "taret mar-riħ, hekk kif eluf t'Għawdxin għadhom iridu jinżlu kuljum Malta biex jaħdmu jew jistudjaw". Said żied jgħid li x-xogħol li hemm Għawdex stess huwa xogħol prekarju, ħafna minnu bil paga minima.

Problema oħra li Said qal li qegħda teffetwa l-Għawdxin u li biha jħossu li l-Gvern ta' Joseph Muscat ma żammx il-wegħdi elettorali li għamlilhom, hija dik tal-aċċessibiltà u l-konnesjoni bejn iż-żewġ gżejjer, li hija importanti ħafna għall-Għawdxin aktar milli għall-Maltin. Said qal li għall-kuntrarju tal-wegħdi, ma sar ebda progress fuq pjanijiet ta' pont bejn Malta u Għawdex, u anke d-dikussjonijiet dwar mina qishom waqfu. Said żied jgħid li lanqas is-servizz ta' fast ferry ma sar, u li tneħħew ukoll is-servizzi tal-merkanzija tal-Gozo Channel lejn Sa Maison. Dan, sostna Said, b'konsegwenza li l-merkanzija issa qed tgħaddi miċ-Ċirkewwa għad-detriment tat-traffiku li qed ibati minnu kullħadd.

Ħafna Għawdxin jinsabu mħassba wkoll fuq l-stat tat-toroq, qal Said. Huwa sostna li l-PN kien inbarka fuq proġetti biex jinbnew it-toroq mill-ġdid, bis-servizzi kollha mgħoddija kif suppost skont l-istandards Ewropej. "F'din il-legisżlatura," qal Said, "ma saritx triq waħda sħiħa bħala proġett komplut, iżda biss 'patching' fuq toroq eżistenti".

L-aħħar fattur li Said jemmen li tellef il-fiduċja tal-Għawdxin fil-Gvern huwa s-Saħħa. "Din hija l-ewwel darba li qatt kien hawn inkwiet dwar is-saħħa f'Għawdex," qal Said, li spjega li l-inkwiet ġej mill-fatt li s-servizz tas-saħħa mar lura wara li l-isptar t'Għawdex ġie privatizzat.

Said temm jgħid li riżultati bħal dawk li ħarġu mill-istħarriġ huma pass żghir, imma importanti għall PN, dwar affarijiet sinjikattivi li jridu jkomplu jibnu fuqhom. Said tenna li minbarra maġġoranza ta' switchers li issa qed jgħidu li se jivvotaw PN, hemm ukoll ammont ta' Laburisti li issa qed jgħidu li se jivvotaw l-ewwel darba għall-PN.

"Dawn kollha indikazzjonijiet żgħar imma importanti li l-PN irid ikompli jibni fuqhom," temm jgħid Chris Said.

More in Politika