Ix-Shadow Minister tas-Saħħa tal-PN, Claudette Buttigieg, aktar kmieni dalgħodu ħarġet stqarrija li fiha sostniet li l-Gvern qiegħed iqarraq b’dawk l-aktar vulnerabbli, il-morda bil-kanċer, fil-kwistjoni tal-mediċini li ġew imwiegħda li se jingħataw b'xejn.
Buttiġieġ sostniet li l-Ministru Chris Fearne qiegħed jgħid nofs verità fuq it-tliet mediċini ġodda għal kontra l-kanċer tat-tip Capecitabine, Mitomycin u Doxorubicin, li l-Ministru semma bħala mediċini ġodda li se jingħataw lill-pazjenti, iżda li skont Buttiġieġ m’humiex mediċini ġodda. Buttiġieġ sostniet li fuq il-formolarju tal-mediċini li jingħataw mill-Gvern dawn il-mediċini issibhom bħala "medicine generic" u mhux “branded”, fatt li Buttiġieġ qalet li jindika li dawn ilhom disponibbli fis-suq għal snin twal.
Buttiġieġ affermat li kulma ried jgħid il-Ministru kien li issa nbidel il-protocol ta’ kif dawn il-mediċini jingħataw lill-pazjenti.
Intant, f'risposta maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa, inkiteb li r-reazzjoni ta' Claudette Buttigieg dwar il-mediċini ġodda għall-kura tal-kanċer tista’ tiġi deskritta biss bħala waħda inkredibbli.
Il-Ministeru tas-Saħħa sostna li l-Capecitabine ġiet introdotta b’mod immedjat għal pazjenti li jbatu bil-kanċer tas-sider, stonku, fwied u frixa. Fil-ġimgħat li ġejjin se jiddaħħlu wkoll fuq il-formularju tal-Gvern, il-Mitomycin għall-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina u d-Doxorubicin għall-kanċer avvanzat tal-fwied.
Il-Ministeru jistma' li b'kollox madwar 500 pazjent se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-mediċini u li s’issa dawn il-pazjenti u oħrajn bħalhom kellhom bilfors jixtru dawn il-mediċini minn buthom jew jirrikorru għand il-Community Chest Fund.
"Dan il-fatt tant pożittiv u li tant se jagħmel differenza lill-pazjenti tagħna f’mument tant diffiċli f’ħajjithom, għal darb’oħra darras lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista," tenna l-kelliem għad-Dipartiment tas-Saħħa.
Ir-risposta tad-Dipartiment tas-Saħħa temmet tgħid li kien biss din is-sena li għall-ewwel darba f’Malta fil-budget tas-saħħa ġie vvutat vot speċifiku għall-mediċini ġodda kontra l-kanċer.