Tikber il-pressjoni biex Muscat jieħu post Tusk...Muscat jibqa’ jirrifjuta

Muscat qed jagħmilha ċara ma' dawk ta' madwaru li beħsiebu jibqa fejn hu u jirbah l-elezzjoni li jmiss

Il-Prim Ministru Malti mal-President tal-KE Donald Tusk
Il-Prim Ministru Malti mal-President tal-KE Donald Tusk

Matul din il-ġimgħa, kibret bla preċedent il-pressjoni fuq Joseph Muscat biex jaċċetta li jkun kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kunsill Ewropew f’każ li ma jkunx konfermat Donald Tusk. Il-mexxejja Ewropej jixtiequ jikkonfermaw lil Tusk fil-kariga, iżda l-fatt li l-Gvern tal-Polonja, il-pajjiż li gej minnu, ma jridux, qed jikkomplika din il-konferma. Muscat qed jirrifjuta u jrid jibqa’ Malta.

Jidher li waqt is-Summit ta’ Malta, numru ta’ pajjiżi qalu li jekk Tusk ma jigix konfermat, persuna li tista’ tgħaqqad lil kważi kulħadd, hija Joseph Muscat.  Is-suċċess politiku u l-organizazzjoni tal-laqgħa ta’ Malta, flimkien mar-relazzjoni personali tajba li Muscat għandu ma’ ħafna mexxejja, u l-wirjiet konvinċenti fuq media internazzjonali, għollew bil-kbir il-kwotazzjonijiet ta’ Muscat.  Barra minn hekk, bid-diskors tiegħu fil-Parlament Ewropew, jidher li kkonferma appoġġ kbir f' din l-istituzzjoni.

Meta l-istorja dehret l-ewwel darba fil-mezzi tax-xandir barranin, u wara f’dawk Maltin, ftit kien hemm min ta kasha. Madankollu, issa jirriżulta li l-ispekulazzjoni kienet reali.

Madankollu, sa issa l-Ewropej kienu bla suċċess li jħajru lil Muscat, li biex jaċċetta l-kariga jkollu jirriżenja minn Prim Ministru. Jidher li Muscat għamilha ċara man-nies ta’ madwaru u mal-barranin li hu beħsiebu jibqa’ fejn hu, u jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. Jidher li kien hemm minn ta’ madwaru li nkwetaw li Muscat seta’ xebgħa jnaddaf u jitgħabba bl-iżbalji, veru u maħsuba, ta’ wħud mill-Ministri tiegħu u seta’ jitħajjar imur lura l-Ewropa, f’dik li hija effettivament it-tieni l-aktar kariga importanti tal-Unjoni. Barra minn hekk, tkun problema kbira għall-Partit Laburista li jsib mexxej ġdid sena biss qabel l-elezzjoni.

Forsi Muscat għad jiddispjaċih li baqa’ Malta jekk l-elezzjoni ma tmurx kif jixtieq. Iżda għal ta’ madwaru, u aktar ma jgħaddi ż-żmien, anki għal-Laburisti, huwa ċar li xi darba jew oħra, ikollhom jgħidu saħħa lill-mexxej tagħhom, għax kif jgħid il-Malti, “min hemm se jgħaddi,” u tirbħu l-Ewropa.

 

 

More in Politika