Il-fondi mill-Unjoni Ewropea għall-proġett taċ-Ċentru tas-Saħħa għan-nofsinhar ta' Malta, f'Raħal Ġdid ġew approvati. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg li qal kif ġew approvati mat-€72 miljun għal żewġ proġetti importanti.
Il-‘Paola Primary Health Care Southern Regional Hub’, fix-Schreiber se jkun qed jipprovdi u jappoġġja numru ta’ faċilitajiet tas-saħħa primarja, kollha taħt saqaf wieħed, u b'hekk jipprovdi dispożizzjoni ta’ kura tas-saħħa ta’ "one-stop-shop" għar-reġjun tan-Nofsinhar.
F'kummenti mal-illum.com.mt il-Ministru għas-saħħa Chris Fearne esprima s-sodisfazzjon tiegħu u saħaq li dan iċ-ċentru tas-saħħa se jkollu faċilitajiet li mhux imdorrijin naraw f'ċentru tas-saħħa normali, fosthom teatru ta’ emerġenza, klinika dentali, servizz għas-saħħa mentali, u faċilitajiet ta’ operazzjonijiet minuri, fost l-oħrajn.
Il-Ministru Fearne qal wara li ġew approvati t-€33 miljun mill-UE minn total ta' €39 miljun, il-pass li jmiss issa huwa li jinbeda l-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar u mal-ERA, billi jsiru diversi testijiet fosthom dawk fuq l-art, wara li ħafna mix-xogħol preparatorju jinsab lest diġà. Sostna wkoll li se jkun qed jinbena car park fl-istess żona sabiex il-persuni jkunu jistgħu jinqdew aħjar.
Chris Fearne żied jgħid li l-bini mistenni jibda bejn il-bidu u nofs is-sena d-dieħla, waqt li huwa mistenna li jitlesta fi żmien tliet snin u nofs.
B'żieda ta' madwar 8% fis-sena, hu kkalkulat li se jkun hemm madwar 600,000 kuntatt minn pazjenti fis-sena f’dan il-hub sas-sena 2020.
It-tieni proġett imħabbar huwa t-tieni fażi tal-MCAST Master Plan ġewwa Kordin, bi spiża totali tal-proġett ta' €33 miljun, li €31 miljun minnhom huma fondi tal-UE. Dan ser jitkompla wara li l-Ewwel Fażi tal-MCAST Campus Master-Plan ġiet kompluta b’investiment ta’ madwar €18.4 miljun, b’fondi Ewropej, u kienet tikkonsisti fil-bini tal-Institute of Business and Commerce, Institute of Applied Sciences, u Student House bil-parkeġġ taħtu.
Dan il-proġett jinkludi l-fażi li jmiss tal-kostruzzjoni tal-MCAST Main Campus, u se jkun jinkludi diversi faċilitajiet: l-Bini u Kostruzzjoni (BC), l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport (IET), Ċentru għar-Riżorsi tal-MCAST (MRC) u l-Istitut tal-Informazzjoni u Komunikazzjoni u Teknoloġija (IICT).
Il-bini IET għandu jkun magħmul minn sitt sulari - 1,460 metru kwadru u żona totali ta’ bini ta' 9,680 metru kwadru. Għandu jikkomprendi numru ta’ laboratorji, ‘workshops’ u kmamar għall-proġetti, klassijiet, kmamar għall-CAD u t-tpinġija fost l-oħrajn. Iċ-Ċentru tar-Riżorsi huwa bini li ser jintuża għal diversi skopijiet – ser jinkludi d-Dipartiment tal-Innovazzjoni u t’Intraprenditorija, l-Apprendistat u t-Tagħlim bbażat fuq ix-xogħol, u l-librerija fost oħrajn. Il-bini tal-IICT għandu jinkludi d-Dipartiment tal-Informazzjoni, Data Management, l-Arkivji, u parti mill-ICT ser jinkludi kmamar ta' studju, laboratorji tal-IT, uffiċċji u swali tal-laqgħat. It-tliet binjiet ġew imfassla biex ikunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija sabiex jipprovdu ambjent ta’ tagħlim ta' kwalità għolja għall-istudenti, spjega s-Segretarju Parlamentari Borg.