One News ordnat iħallas lil Beppe Fenech Adami għal difamazzjoni

Il-Qorti ordnat lil One News iħallas €3000 f'danni lil Beppe Fenech Adami wara xandira difamatorja li dehret fuq l-istazzjoni dwar il-permess tal-bini tal-villa ta' Fenech Adami fil-Għargħur

Beppe Fenech Adami ingħata kumpens ta’ €3000  wara li rebaħ libell kontra One News, dwar bullettin li kien ixxandar f'Marzu tas-sena li għaddiet dwar il-permessi tal-proprejà li huwa għandu fil-Għargħur.

Fenech Adami ċaħad kull allegazzjoni li Lawrence Gonzi, meta kien Prim Ministru, kien tah trattament speċjali fl-għotja ta’ permess biex id-dar tiegħu fil-Għargħur titla’ aktar ‘l fuq miż-żewġ sulari permessibbli, ftit tal-jiem biss wara li kien qal lill-MEPA biex jiġi limitat l-għoli tal-proprjetajiet li jinsabu fil-limitu taż-żona tal-iżvilupp.

Fid-dawl ta’ dan, One News kien xandar il-kontenut ta’ ittra li Lawrence Gonzi bagħat liċ-chairman tal-MEPA Austin Walker f’Ottubru tal-2008, li fiha ta istruzzjonijiet biex ma jingħatawx permessi għall-bini ta' aktar sulari fid-djar li jinsabu fil-periferija taż-żoni tal-iżvilupp.

Id-dar ta’ Beppe Fenech Adami, li huwa kien xtara lura fl-1988, tinsab fi ‘green area’ fil-Għargħur u hija waħda minn dawk il-proprjetajiet li kienu nklużi fil-limitar ta' żvilupp minħabba li jinsabu fil-periferija taż-żona tal-iżvilupp.

Fenech Adami sostna li ittra mibgħuta mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li ntbagħtet fl-10 ta’ Ottubru tal-2008 liċ-chairman tal-MEPA Austin Walker, mibgħuta tliet ijiem wara ċ-ċaħda għall-permessi biex jiżdied l-għoli, turi kien hemm applikanti oħrajn li gawdew mill-istess trattament.

One news kien żvela ż-żewġ ittri bħala evidenza tad-deċiżjoni ta’ Gonzi u l-istruzzjonijiet mogħtija għall-permess tal-estensjoni, magħmulin tliet ijiem wara li saret il-projbizzjoni biex il-bini f’dawk l-inħawi ma jogħliex aktar minn kemm suppost. Waħda minn tliet idjar li gawdew mill-approvazzjoni li tmur kontra il-politika kontra l-estensjoni tad-djar, kienet il-villa ta’ Beppe Fenech Adami.

Fil-Qorti, il-Maġistrat Francesco Depasquale innota li Fenech Adami, bħala politiku, ikun fi skrutinju ikbar minn ċittadini privati u li l-ġurnalisti kellhom id-dritt li jirrappurtaw il-każ, iżda minn naħa l-oħra jridu jkunu f’pożizzjoni li jsostnu u jiddefendu fil-Qorti, l-allegazzjonijiet li jkunu għamlu.

L-Editur ta’ One News, Aleander Balzan qatt ma deher fil-Qorti sabiex jiddefendi l-allegazzjonijiet jew il-konklużjonijiet li għamel fil-konfront ta’ Fenech Adam. Dan minkejja li kien irrappurtat li Balzan qal li kien ħerqan biex jippreżenta l-evidenza fil-Qorti u jakkuża l-PN li prova jsikket ir-rapporti.

Fenech Adami kellu dokumenti u xhieda li juru li l-proprjetà ġiet żviluppata skont il-liġi qabel ma ġiet mixtrija fl-1994, u li l-permessi għaliha kienu nħarġu fiż-żmien meta l-Partit Laburista kien fil-gvern.

Il-permess għall-pixxina jidher li nħareġ ftit taż-żmien wara biss li l-PL ma’ baqax fil-gvern. Fenech Adami kellhu wkoll il-provi li t-tielet sular tal-villa inbena skont il-politika tal-Awtorità tal-Ippjanar li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, u li l-ġnien tal-istess proprjetà għadu s’issa jaqa’ fuq art ODZ u għaldaqstant ma ġiex żviluppat.

Il-Maġistrat Depasquale ikkonkluda li peress li ebda evidenza ma ġiet ippreżentata minn naħa ta’ One News, biex tipprova l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Fenech Adami u fid-dawl tal-evidenza provduta minnu, ix-xandira li dehret fuq One TV fil-15 u s-16 ta’ Marzu tal-2016 ġiet ikkunsidrata biss bħala waħda difamatorja, bl-uniku skop li tħammeġ ir-reputazzjoni ta’ Fenech Adami. Għaldaqstant il-Qorti ikkundannat lil Balzan, bħala editur ta’ One TV, biex iħallas €3000 f’danni lil Beppe Fenech Adami.

More in Politika