‘Ir-Reġistratur mhu se jkollu ebda dritt jindħal fil-kontenut’

Il-Ministru Owen Bonnici jiċċara x’inhu l-irwol u x’inhuma l-poteri li se jkollu r-Reġistratur tal-Media propost fl-att dwar il-Media u l-Malafama

“Ir-Reġistratur, bl-istess mod bħal dak li hemm illum, mhu se jkollu ebda dritt jindaħal fil-kontenut ta’ gazzetti, servizzi tax-xandir u siti elettroniċi li jirreġistraw u li jkollhom kontenut ta’ aħbarijiet, politiku jew ġrajjiet kurrenti.”

Dan sostnieh mal-ILLUM il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici meta kien mistoqsi biex jiċċara x’inhu l-irwol u x’inhuma l-poteri li se jkollu r-Reġistratur tal-Media propost fl-att dwar il-Media u l-Malafama.

Bonnici żied jgħid li dan, “se jkun biss reġistrazzjoni u mhux xi forma ta’ liċenzja.”

Mistoqsi dwar id-distinzjoni bejn siti li mhumiex strettament politiċi jew tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici wieġeb li “siti elettroniċi li l-attività tagħhom mhijiex waħda ta’ servizz ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti mhux se jkunu effetwati mill-obbligu tar-reġistrazzjoni.”

 

‘Il-Gvern qed jipproponi estensjoni dwar dak li diġà jeżisti’

Meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar kif se jiġi determinat liema siti huma ‘ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti’, Bonnici qal li biex dan ikun deċiż “siti elettroniċi li l-attività tagħhom mhix waħda ta’ servizz ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti mhux se jkunu effetwati mill-obbligu tar-reġistrazzjoni.”

Bonnici temm jgħid mal-ILLUM li r-reġistrazzoni ta’ siti li jirrappurtaw l-aħbarijiet, jew suġġetti relatati, hija biss estensjoni ta' dak li diġà jeżisti llum, fejn stazzjonijiet li jxandru u kumpaniji li jippubblikaw media u aħbarijiet iridu jirreġistraw l-isem tal-Editur tagħhom. Ir-reġistrazzjoni tas-siti li joffru servizz ta’ aħbarijiet, ġrajjiet kurrenti, “se sservi biss fl-interess tat-trasparenza u biex issaħħaħ il-libertà tal-espressjoni tal-ġurnaliżmu.”

M’hemm, u qatt ma kien hemm l-ebda intenzjoni biex iċ-ċittadini jirreġistraw isimhom x’imkien biex ikunu jistgħu jikkummentaw online

L-aħbar dwar l-emendi fil-liġi li ġiet imħabbra aktar kmieni din il-ġimgħa qajmet kontroversja bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, bil-PN isostni li r-reġistrazzjoni tas-siti tal-internet, bħal ma jiġri diġà għall-gazzetti u servizzi tax-xandir, “se tnaqqas il-libertà u l-attiviżmu politiku.”

Min-naħa tiegħu, il-Gvern iddeskriva t-tibdiliet fil-liġi bħala “riforma li se ssaħħaħ il-libertà tal-espressjoni tal-ġurnaliżmu, flimkien mat-tneħħija ta' libelli kriminali, it-tkabbir tad-difiżi għall-ġurnalisti waqt kawżi ċivili u l-projbizzjoni fuq il-ħruġ ta' mandati ta' libelli.”

Stqarrija sabiex jiġi ċċarat dan il-punt tal-liġi l-ġdida, maħruġa lbieraħ mill-Gvern, għamlitha ċara li “m’hemm, u qatt ma kien hemm l-ebda intenzjoni, la diretta u lanqas indiretta biex iċ-ċittadini jirreġistraw isimhom x’imkien biex ikunu jistgħu jikkummentaw online. Din kienet biss xniegħa qarrieqa li qed jipprova jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni.”

“Li qed tipproponi l-liġi l-ġdida hu sempliċiment li bħalma l-edituri tal-ġurnali, tat-televiżjoni u tax-xandir ilhom is-snin jirreġistraw għal aktar trasparenza, hekk ukoll jirreġistraw l-edituri tas-servizzi lokali tal-aħbarijiet jew tal-ġrajjiet kurrenti fuq l-internet,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika