
Bezzina qalb is-siġar tal-lewż
Il-proposta ta’ żvilupp ta’ Bezzina kienet waħda għal ‘rijabilitazzjoni u restawr ta’ masġar tal-lewż’, filwaqt li l-pjanti kienu juru biċ-ċar garage taħt l-art, villa u swimming pool

minn Carmel Cacopardo

L-applikazzjoni bin-numru PA7854/16 li l-kelliemi tal-Agrikoltura tal-PN ippreżenta quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar kienet faċilment tinftiehem ħażin. Probabbilment li kienet intenzjonata li tkun hekk biex dak li ġie propost ikun xi ftit jew wisq mistur. Dan kien punt li ġie enfasizzat mill-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa fl-oġġezzjoni għall-applikazzjoni li ppreżentat nhar il-31 ta’ Jannar.
Il-proposta ta’ żvilupp ta’ Bezzina kienet tenfasizza li din kienet waħda għar-‘rijabilitazzjoni u restawr ta’ masġar tal-lewż’ (rehabilitation and restoration of almond grove). Imma meta imbagħad teżamina l-pjanti sottomessi, mill-ewwel tinduna li l-proposta tinkludi garage taħt l-art u villa bi tlett ikmamar tas-sodda flimkien ma’ swimming pool.
Wieħed kien jistenna li kien ikun minn tal-ewwel li jonora dak li l-PN qiegħed iwiegħed, imma minnflok, ġie jaqa’ u jqumu biex tagħqad iddefendieh ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni
F’ċirkustanzi normali, fil-fehma tiegħi applikazzjoni bħal din kienet tkun rifjutata għalkemm xejn ma kont niskanta kieku ġiet approvata għax sfortunatament m’hemmx konsistenza fl-interpretazzjoni tar-regoli tal-ippjanar.
Imma d-diskussjoni pubblika li żviluppat, filwaqt li wasslet biex Bezzina rtira l-applikazzjoni, iffukat ukoll fuq il-fatt li huwa kien wieħed mill-awturi tad-dokument dwar il-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista li kien ippubblikat dan l-aħħar. F’dan id-dokument, Bezzina u oħrajn, f’isem il-PN, enfasizzaw li żvilupp barra miż-żona ta’ żvilupp għandu jkun permess biss f’każijiet eċċezzjonali u l-approvazzjoni dwaru għandha tingħata mill-Parlament b’maġġoranza kkwalifikata.
Wieħed kien jistenna li Bezzina, bħala wieħed mill-awturi tad-dokument kien ikun minn tal-ewwel li jonora dak li l-PN qiegħed iwiegħed. Minflok, iżda, ġie jaqa’ u jqum, u biex tagħqad, iddefendih ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni li bil-kemm ma ppruvax jikkonvinċina li qisu ma ġara xejn.


Sfortunatament, dan kollu jwassal għal konsiderazzjoni importanti dwar jekk id-dokumenti politiċi li joħroġ il-Partit Nazzjonalista għandniex nagħtu kashom. Il-fatt li kelliema tal-PN bħal Bezzina jinjoraw dawn id-dokumenti, iwassal għall-konklużjoni inevitabbli li dan kien eżerċizzju ieħor minn dawk li bihom il-Partit Nazzjonalista imdorri jipprova jgħaddi ż-żmien bin-nies. Drajna b’dawn l-affarijiet.
Filwaqt li l-pubblikazzjoni mill-PN tad-dokument dwar il-politika ambjentali tiegħu kien pass tajjeb, jidher li għad baqa’ ftit taż-żmien mhux ħażin biex il-PN innifsu jifhem li l-ħarsien tal-ambjent, apparti d-dokumenti jeħtieġ ukoll il-fatti.
L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected], http://carmelcacopardo.wordpress.com

