Nhar is-Sibt li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat tella’ ‘Tweet’ b’ritratt tiegħu u tal-membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista waqt laqgħa li kellhom ġewwa l-Palazz tal-Girgenti.
Jidher li dan ir-ritratt każwali tad-Deputati Laburisti, qajjem l-interess tal-Alternattiva Demokratika, li qegħda takkuża lill-Prim Ministru u l-Partit Laburista bi ksur tal-liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi.
“Il-Partit Laburista kif ukoll il-Gvern permezz ta’ Joseph Muscat, il-Prim Ministru, qed jiksru l-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi.”
Dan qalu Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika meta indirizza lill-istampa fi tmiem laqgħa li Alternattiva Demokratika kellha mal-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali Elettorali Joseph Church flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-istess Kummissjoni Elettorali. Cacopardi saħaq li dan il-ksur tal-liġi qed isir billi l-Partit Laburista qed jitħalla jagħmel użu minn propjetà pubblika mingħajr ma għandu dritt għal dan.
Fil-laqgħa li Alternattiva Demokratika kellha mal-Kummissjoni Elettorali, li hi inkarigata mill-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi, inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal dan u saret insistenza li l-Kummissjoni Elettorali għandha taġixxi immedjatament biex ikun assigurat li kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Prim Ministru
Joseph Muscat jirrealizzaw li huma ukoll soġġetti għal-liġi u għandhom ibaxxu rashom għaliha.
“Alternattiva Demokratika fil-laqgħa tal-lum ikkonċentrat fuq kaz wieħed konkret u speċifiku. Ma jfissirx li ma hemmx iżjed każi imma jidhrilna li l-Kummissjoni Elettorali għandha tiffoka l-investigazzjoni u l-azzjoni tagħha fuq dan il-każ,” saħaq Cacopardo.
Arnold Cassola żied jgħid li “Alternattiva Demokratika qed titlob li l-Kummissjoni Elettorali tieħu passi kontra Joseph Muscat li huwa politikament responsabbli mill-propjetà tal-istat amministrata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Hu ippermetta li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista jagħmel użu mill-Palazz tal-Girgenti għal-laqgħa tiegħu ta’ nhar is-Sibt 18 ta’ Frar 2017.”
L-AD talbet ukoll li l-Kummissjoni Elettorali tieħu passi legali kontra l-Partit Laburista għax ma setax jaċċetta din id-donazzjoni (l-użu tal-Palazz tal-Girgenti) mingħand il-Prim Ministru u dan skont kif jipprovdi l-artiklu 34 tal-Kap 544 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi).”