'Il-PN fil-gvern se jixtri l-elettriku minn fejn hu l-irħas...'

Simon Busuttil jgħid li l-impenn tiegħu se jkun li jixtri l-elettriku minn fejn huwa l-irħas, biex minnu jgawdi l-pajjiż u jgawdu l-konsumaturi

Fi sqarrija maħruġa miIl-Partit Nazzjonalista bi tweġiba għall-konferenza tal-aħbarijiet ta’ żewġ Ministri tal-Gvern kontra l-proposti tal-Partit Nazzjonalista, il-PN ikkonferma li "Gvern immexxi minn Simon Busuttil se jixtri l-elettriku minn fejn huwa l-irħas. U d-differenza fil-prezz jgħaddiha direttament lill-konsumatur."

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li jifhem li "Joseph Muscat huwa rrabbjat b’din il-wegħda għaliex b’hekk se jitħarbat il-pjan tiegħu li l-pajjiż jintrabat li jixtri l-elettriku għal tmintax-il sena sħaħ mill-Electrogas bi prezz id-doppju li qed nixtru mill-interconnector," u żiedu jgħid li "Joseph Muscat, dan messu rah qabel."

L-impenn ta’ Simon Busuttil li jixtri l-elettriku minn fejn huwa l-irħas huwa fl-aħjar interess nazzjonali għax minnu jgawdi l-pajjiż u jgawdu l-konsumaturi. Il-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat li jixtri l-elettriku bid-doppju tal-prezz mingħand l-Electrogas mhix fl-interess tan-nies. 

Il-PN saħaq li "flok jagħmel konferenza tal-aħbarijiet biex jipprova jikkonvinċina nixtru l-elettriku bi prezz għoli, ikun aħjar kieku l-Ministru Michael Farrugia beda jsolvi l-problema soċjali gravi tal-housing li tant kibret fil-pajjiż taħtu. Wara erba’ snin f’idejn Michael Farrugia, illum hawn eluf ta’ nies ifittxu saqaf fuq rashom u eluf oħra f’sitwazzjoni fejn ma jaffordjawx jikru post fejn jgħixu."

More in Politika