Il-Maltin jgħixu iktar mill-Ewropej l-oħrajn...
Rapport jagħti ċertifikat pożittiv lis-saħħa u s-servizz tas-saħħa f'pajjiżna
More in Politika
Rapport jagħti ċertifikat pożittiv lis-saħħa u s-servizz tas-saħħa f'pajjiżna
Rapport Ewropew li llum ġie ppreżentat mill-European Observatory lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jinnota li Malta għamlet progress kbir fil-qasam tas-saħħa. Il-Health Systems in Transition Report (HiT) huwa dokument dwar is-sistemi tas-saħħa f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej magħmul mill-European Observatory.
L-aħħar rapport ta’ dan it-tip kien inħareġ fl-2014 fejn kien ingħad li fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna kien hemm diversi sfidi. Min-naħa l-oħra r-rapport ta’ din is-sena jsemmi progress qawwi fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna.
Il-European Observatory hija istituzzjoni indipendenti Ewropea li taħdem taħt l-awspiċi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Ir-rapport juri li l-aspettativa tal-ħajja tal-Maltin hija waħda għolja ferm, fil-fatt ogħla minn dik Ewropea. Aktar minn hekk il-Maltin jgħixu 90% tal-ħajja tagħhom f’saħħithom. Din hija l-ogħla rata rrekordjata fl-Ewropa.
Il-HiT Report jagħti wkoll ħarsa lejn ir-riżorsi umani fil-qasam tas-saħħa, fejn jirrimarka li n-numru ta’ infermiera f’pajjiżna żdied minn 709 għal kull 100,000 persuna fl-2012 għal 867 għal kull 100,000 fl-2015. F’dan ir-rigward jingħad ukoll li l-ammont ta’ tobba f’pajjiżna huwa ’l fuq mill-medja Ewropea, iżda n-numru ta’ dentisti f’Malta huwa wieħed baxx.
Il-HiT report jagħti wkoll ħarsa lejn in-numru ta’ sodod fl-isptarijiet tagħna, fejn wara li kien hemm tnaqqis fi snin imgħoddija, fl-aħħar snin Malta rrapurtat qabża drastika. Fil-fatt in-numru ta’ sodod akuti f’pajjiżna żdiedu minn 279 għal kull 100,000 persuna fl-2005 għal 334 sodod akuti għal kull 100,000 fl-2015.
“Ir-rapport jitkellem ukoll pożittivament fuq in-nefqa dejjem tiżdied tal-Gvern fis-saħħa. Il-budget ta’ din is-sena ra żieda fil-budget tas-saħħa ta’ 11.4% fuq il-budget ta’ qabel, li diġà kien fih żieda ta’ 12.5% fuq l-2015. Mhux il-pajjiżi kollha Ewropej għandhom din il-viżjoni għal pajjiżhom u ninsabu kburin li pajjiżna qiegħed jinvesti tant fis-saħħa biex ikompli jagħti servizz aħjar lill-pazjenti tiegħu,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Punt ieħor li l-HiT report jagħmel referenza għalih huwa n-numru ta’ persuni li rreġistraw għal myhealth fejn in-numru żdied konsiderevolment minn 1,674 f’Settembru tal-2015 għal 13,090 f’Lulju 2016.
Ir-rapport jagħmel enfasi wkoll fuq il-qasam edukattiv fis-saħħa u jinnota li isem kbir bħal Barts School of Medicine se tkun qed tiftaħ sede f’pajjiżna. “Li s-sistema tas-saħħa tkun sostenibbli huwa fattur importanti f’kull pajjiż u huwa wkoll wieħed mill-fatturi li analizza l-HiT report, fejn b’mod pożittiv jaċċenna għal private-public partnership bejn il-Gvern u l-privat fi tliet sptarijiet u l-mudell ta’ turiżmu mediku għas-sotenibbiltà tas-servizzi fil-futur,” qal il-Ministru Fearne.
Fost l-isfidi għall-ġejjieni, ir-rapport isemmi l-obeżità, id-dimenzja u popolazzjoni dejjem tixjieħ. Dan il-Gvern diġà beda t-triq biex jindirizzahom: “Kif qiegħed ukoll isaħħaħ il-kura primarja, fejn diġà għandna ppjanati proġetti konkreti bħaċ-ċentru tas-saħħa ġdid f’Ħal Kirkop, u ċentru tas-saħħa reġjonali f’Raħal Ġdid,” qal il-Ministru għas-Saħħa Fearne.