'Fejn qed imorru l-flus tat-taxxi tagħna?' Mhux darba jew tnejn kont u għadek tisma' din il-mistoqsija mingħand diversi persuni. Issa huwa kkonfermat, jekk qatt kien hemm dubji, illi parti sew mill-flus tat-taxxi jmorru lura għand ħafna mill-familji f'children's allowance, jew ħlas biex il-Gvern jgħinek trabbi u tħallas għall-ispejjeż biex ikollok it-tfal.
Skont ċifri li ħarġu fil-Parlament ilbieraħ fl-2016 biss kien hemm 40,315-il familja, jiġifieri 60,725 tifel u tifla li bbenefikaw minn ftit iktar minn €41.8 miljuni.
Minkejja li dan l-allowance kien beda jingħata l-ewwel fis-snin 70 fir-riformi soċjali li kien wettaq Gvern Laburista, kien iktar riċenti li Gvern Nazzjonalista, wessa' l-benefiċjarji ta' din l-għajnuna lill-aktar familji.
Intant jirriżulta wkoll li fis-sena 2016 kien hemm 3,586 persuna li gawdew mill-In Work Benefit, jew żieda ta' 868 benefiċċjarju mill-2015. Dan il-benefiċċju sewa' l-kaxxa ta' Malta €2.3 miljuni. Din l-iskema, li kienet introdotta mill-Gvern preżenti, tgħin biex tinċentiva lil dawk bi qliegħ baxx jew medju, li qegħdin f'impjieg u li għandhom tfal ta' 23 sena jew inqas.
Intant is-sena l-oħra wkoll, 675-il persuna inbstabu li kienu qed jabbużaw minn xi benefiċċju. B'kollox kienu investigati 1,960-il persuna mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta' Frodi ta' Benefiċċji.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Charles Mangion.