Id-deputat Nazzjonalista u kelliem għal Għawdex Chris Said saħaq li l-gżira reġgħet marret lura 30 sena fil-mentalità, hekk kif sostna li kulħadd irid jaħdem mal-Gvern, minkejja l-wegħda tal-Gvern li jkun hemm biżżejjed xogħol f'Għawdex għall-Għawdxin.
Waqt li kien qed jitkellem fuq il-programm Xtra fuq TVM, Said qal kif, "ix-xogħol jibqa' l-akbar preokupazzjoni tal-Għawdxin. Fil-fatt, dan kien Gvern li wiegħed xogħol f'Għawdex għal kull Għawdxi, imma minkejja dan l-Għawdxin li jaħdmu f'Malta żdiedu u żdiedu bil-kbir." Said kompla jgħid li diversi employers avviċinawh u qalulu li kellhom ħaddiema li telquhom wara 15-il sena magħhom, sabiex imorru 'fuq skema bil-paga minima.'
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex, meta kien mistoqsi minn Saviour Balzan dwar din il-kultura ta' xogħol f'Għawdex, hu ċaħad bil-kbir u kwota figuri li jikkuntrarjaw dan. "L-istatistika turi li mhux vera," sostna Refalo, "iċ-ċifri tal-NSO juru li mill-2013 sal-2016 kien hemm 1,351 xogħol f'Għawdex, li minnhom 1,090 kienu mal-privat." Żied jgħid ukoll li dan l-argument ma jreġix, anke jekk wieħed iħares lejn l-ekonomija f'Għawdex u l-PGD li fi żmien tliet snin, iktar milli rdoppja, u għalhekk jistaqsi kif jista' jkun dan b'xogħlijiet mall-Gvern biss.
Id-deputat Nazzjonalista qal ukoll li kien hemm mat-300 ħaddiem li kien qiegħed fuq l-iskema ta' xogħol tal-GWU, li minekejja li jagħmlu xogħol għal Gvern u jaħdmu fi ħdan id-dipartimenti tiegħu, huma jiġu mniżżlin bħala ħaddiema ma' kumpanija privata.