Sa Settembru 2016 in-numru ta’ nies jaħdmu full-time tela’ għal 182,052. Fi stqarrija l-Gvern fakkar li dan ifisser li, "mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 26,640 impjieg full-time, jiġifieri, fi tliet snin u nofs, l-impjiegi żdiedu darbtejn u nofs iktar milli żdiedu fil-ħames snin sħaħ ta’ qabel.Taħt din l-amministrazzjoni, kuljum, żdiedu 20 impjieg full-time. Din hija tliet darbiet iktar mir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti."
Il-Gvern kompla jgħid illi kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbir, "tispikka żieda ta’ 4,700 impjieg fis-servizzi amministrattivi, 3,100 fis-servizzi tekniċi u professjonali, 1,800 fis-servizzi finanzjarji, u żieda ta’ 1,600 full-timer fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ 1,800 impjieg fis-settur tal-bejgħ, 1,900 impjieg fil-lukandi u ristoranti, u tkabbir ta’3,600 impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.
Il-Gvern fl-istqarrija tiegħu qal illi l-impjiegi fis-settur privat żdiedu, b’4% fil-manifattura u b’9% fil-kostruzzjoni, "żewġ setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir qawwi fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ elfejn u mitt impjieg full-time."