Il-Ġustizzja: Ħafna kienu qatgħu qalbhom, aħna qed inġibu r-riżultati
F'artiklu li ħareġ fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda tal-ILLUM, il-Ministru Owen Bonnici jikteb dwar il-qasam tal-ġustizzja f'pajjiżna
minn Owen Bonnici
Ngħiduha kif inhi, ħafna persuni kienu xettiċi ħafna jekk qattx kien se jiġi mument fejn xi Gvern isib tarf tad-dewmien eżaġerat fil-qasam tal-Ġustizzja.
Dan il-Gvern poġġa rasu hemm, kiseb il-pariri mill-esperti u beda ħidma ma taqta' xejn ta' miżura wara l-oħra bil-għan li jitkisser id-dewmien fil-qasam tal-Ġustizzja. Wasalna? Le. Fadal x'isir? Iva. Biss, ninsabu fit-triq it-tajba u qed jinkisbu riżultati kruċjali fis-settur tal-Ġustizzja, speċjalment dak Ċivili.
Toqogħdux fuq li ngħid jien, jew li jgħid il-Gvern. Araw x'qed tgħid il-Kummissjoni Ewropea li żgur għandha kredibbiltà kbira. Ftit ilu, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dak li jgħidulu l-Country Report.
Ħafna kienu qatgħu qalbhom li qatt jista' jinbidel xi ħaġa fil-qasam tal-Ġustizzja. Illum, wara erba' snin qed nagħtu r-risposti
F'dan il-Country Report issir analiżi tal-pajjiż kif inhu: fejn sejrin tajjeb u fejn nistgħu mmorru aħjar. Hemm kapitlu sħiħ fuq il-qasam tal-Ġustizzja. Sa ftit ilu, il-Kummissjoni Ewropea kienet tixgħelilna l-bozza l-ħamra dwaru: tgħidilna li hu sejjer lura u li rridu nagħmlu xi ħaġa malajr. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tgħidilna li b'mod ġenerali l-kawżi ċivili qed jgħaġġlu iżjed, qed jinqatgħu iktar u l-affarijiet sejrin ’il quddiem. Tgħidilna wkoll li fil-kamp amministrattiv – jiġifieri l-kamp fejn iċ-ċittadin ifittex xi awtorità tal-Gvern – minn sitwazzjoni fejn għal kull kawża li tidħol jinħoloq backlog ta' ħamsa, issa qegħdin f'sitwazzjoni fejn għal kull waħda li tidħol jinqatgħu erbgħa. Anke l-ammont ta' kawżi pendenti. Bħalissa ninsabu fl-inqas ammont ta' kawżi ċivili pendenti minn kemm ilha tinżamm l-istatistika. X'kien is-sigriet ta' dan is-suċċess? Ħafna riformi, ħafna xogħol, impenn ma jaqta' xejn biex inbiddlu l-qasam tal-Ġustizzja għall-aħjar. L-isfidi ma jonqsux: se tkun sfida li nkomplu nsostnu u ntejbu dan ir-ritmu. Hemm Qrati li jinkwetawni ftit fejn tidħol l-effiċjenza u rridu niffokaw fuqhom u ntejbuhom. Biss, il-bidla qed isseħħ.
Ħafna kienu qatgħu qalbhom li qatt jista' jinbidel xi ħaġa fil-qasam tal-Ġustizzja. Illum, wara erba' snin qed nagħtu r-risposti. Qed inġibu r-riżultati.
Inizzjattivi ġodda fil-kamp kulturali
Is-settur tal-kultura huwa suċċess wara l-ieħor. Fi ftit jiem kellna Karnival stupend, b'livelli li qatt ma rajnha bħalhom fl-aħħar snin. Min qatt kien se jobsor li kien se jiġi l-karikaturist tal-Guardian Steve Bell u jiddisinja karru? Jew min seta' jobsor li se jkun hemm din l-innovazzjoni kolllha? Prosit lil kull min ħa sehem fis-suċċess kbir li kien hemm din is-sena. Jekk Alla jrid, il-ħidma tal-Karnival se tkompli tissaħħaħ meta jkollna l-Esperjenza tal-Karnival fil-Marsa lest u jiffunzjona. Fl-istess żmien nedejna l-Culture Pass – li hija skema fejn 25,000 student tal-Year 7 (Form 1) sa Year 11 (Form 5) ikunu jistgħu jaraw perfomances kulturali bla ħlas bl-għajnuna tal-Iskola tagħhom. S'issa diġà nkitbu 10,000 student. Inħeġġeġ l-iskejjel kollha biex jieħdu sehem. B'din l-iskema tajna wkoll opportunità lill-artisti li jesebixxu iktar it-talenti tagħhom u opportunità ta' dħul finanzjarju wkoll. Wara kollox, kull investiment li nagħmlu fl-artisti huwa investiment għal pajjiż aħjar.
Id-domanda l-iktar taħraq hi din: x'se jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fuq il-każ tal-CapitalOne biex juri kemm vera jemmen fil-politika onesta?
Imbagħad nedejna l-festival tar-Rock li qed insejħulu Rock N Malta fejn il-Kunsill għall-Arti se jorganizza sensiela ta' kunċerti rock matul is-sena minn diversi artisti Rock ta' fama internazzjonali bħal the Wailers, il-Krokus u oħrajn. Apparti mill-fatt li b'hekk se nimlew vojt li ilu jinħass u jiżdied festival ieħor mal-kalendarju tal-Kunsill, b'dan il-mod qed inkunu qed nagħtu liż-żgħażagħ tagħna opportunità li jdoqqu bħala support bands ma' gruppi b'saħħithom u quddiem udjenza tajba. Jekk dan ma kienx biżżejjed, ilbieraħ nedejna l-Festival ta' World Music li huwa żvilupp fuq l-Għanafest li din is-sena se jieħu format differenti u iktar kapillari qrib iċ-ċittadini fid-djar tagħhom. Għalhekk fejn qabel kien hemm l-Għanafest issa se jkun hemm żewġ festivals – wieħed tal-Għana u l-ieħor tal-World Music li tal-aħħar tħabbar il-bieraħ.
Konvint li dan il-ġeneru ta' World Music se jintlaqa' tajjeb ferm mal-poplu Malti u Għawdxi. Insomma, m'aħniex se nieqfu bil-ħidma tagħna.
Konklużjonijiet serjissimi
Ir-riżultati tal-inkjesta magħmula minn tliet eks Imħallfin dwar kumpanija li fiha Dr Beppe Fenech Adami kien direttur u li kienet tmexxi kumpanija oħra li kien hemm assoċjati magħha tranżazzjonijiet suspettużi ta' ħasil ta' flus u allegat traffikar ta' droga huma serji ħafna. Huma serji għaliex l-inkjesta talbet li jkun hemm iktar investigazzjonijiet mill-Pulizija u l-FIAU dwar tranżazzjonijiet suspetti li saru f'kumpanija li kienet immexxija minn kumpanija oħra li fiha Dr Fenech Adami kien direttur. Huma serji wkoll għaliex l-inkjesta sabet li fil-bidu kien sar xogħol investigattiv tajjeb mill-Pulizija li mbagħad kollox jindika li twaqqaf ħesrem meta tfaċċa isem Beppe Fenech Adami.
F'dak il-mument li tfaċċa isem Beppe Fenech Adami xahrejn qabel l-elezzjoni, il-każ sar a hot potato, li fi kliem l-Inkjesta, "forsi setgħet iġġib konsegwenzi xejn pjaċevoli fuq min ikollu l-kuraġġ li jaqbadha u jipprova jqaxxarha." Bla ma trid issaqsi, x'kien jiġri kieku l-Pulizija baqgħet tagħmel l-investigazzjoni? Kemm informazzjoni utli setgħet instabet biex jitkisser ċirku ta’ traffikar ta’ droga b'involviment ta’ nies u kumpaniji barranin? Id-domanda l-iktar taħraq hi din: x'se jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex juri kemm vera jemmen fil-politika onesta?
Dan każ serju, serju ħafna.
Il-liġi l-ġdida tal-istampa
Ħadt gost din il-ġimgħa nirċievi review mill-OSCE – għaqda importanti ħafna fl-Ewropa – dwar il-liġi li qed nipproponu aħna tal-istampa. Dan ir-review, jiġifieri studju jew analiżi, tlabtu jiena stess għaliex bħala Gvern irridu li jkollna l-aqwa liġi tal-istampa f'pajjiżna. Ir-review kien pożittiv ħafna fejn l-OSCE faħħret ħafna miżuri li se nagħmlu biex tikber il-libertà tal-espressjoni gurnalistika bħat-tneħħija tal-libell kriminali, it-tneħħija tal-mandati kawtelatorji u difiżi ġodda u aħjar għall-ġurnalisti li jkunu ffaċċjati b'kawżi ta' libell. L-OSCE rrimarkat ukoll dwar xi aspetti li jidhrilha li għandhom bżonn jinbidlu jew jiġu mtejba bħall-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-websites tal-aħbarijiet u t-twessieħ tal-privileġġ tal-protezzjoni tas-sors. Dak it-tajjeb li pproponejna aħna, kburin li pproponejnieh, dak li hemm bżonn jissaħħaħ se nsaħħuh u dak li qed bżonn jinbidel jew jitjieb se ntejbuh. Kif għidt qabel, aħna kommessi li jkollna l-aqwa liġi tal-istampa. Il-pajjiż hekk jixraqlu! Intant qed inħares ’il quddiem biex nhar il-Ġimgħa niltaqa’ mal-ġurnalisti fi Q&A session li se nagħmlu apposta.
Qed nieħu gost ħafna naħdem mas-Sur Karl Wright u l-IGM li qed jagħmlu xogħol impekkabbli.