Joseph u r-reputazzjoni ta’ Malta
'Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ jgħid li l-komunità kummerċjali tibża’ li t-trasparenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż sejrin lura...'
minn Carmel Cacopardo
Għandha raġun il-Kamra tal-Kummerċ tkun inkwetata bil-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta li b’mod inevitabbli tirriżulta minħabba nuqqas ta’ trasparenza tal-istituzzjonijiet kif ukoll minħabba tmexxija ħażina. Din hi osservazzjoni li tirriżulta wara li wieħed jgħarbel kliem Anton Borg, President tal-Kamra tal-Kummerċ meta huwa kien qiegħed jindirizza lill-Prim Ministru nhar it-Tnejn li għadda. Is-sur Borg kien irrappurtat jgħid li l-komunità kummerċjali tibża’ li t-trasparenza u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż sejrin lura.
Kliem meqjus, għax kien wasal iż-żmien li l-komunità kummerċjali tgħid fil-pubbliku dak li ilu jingħad fil-widnejn.
Il-messaġġ ta’ Anton Borg kien ċar ħafna, avolja kien meqjus fi kliemu. Huwa għamel referenza għas-survey riċenti ta’ Ernst & Young li jirreferu għalih bħala l-‘attractiveness survey’ li rrapporta tnaqqis ta’ ħmistax-il punt perċentwali fuq l-2015 dwar il-perċezzjoni tal-istabbiltà politika u t-trasparenza regolatorja f’Malta. Huwa rrefera wkoll għall-fatt li Malta niżlet għaxar postijiet l-isfel fl-Indiċi Internazzjonali tal-Korruzzjoni li jiġi ppubblikat minn Transparency International.
L-għada, Arthur Muscat, li dalwaqt ser itemm il-mandat tiegħu bħala President tal-Malta Employers’ Association kompla l-argument billi enfasizza li meta tinżel għaxar postijiet ’l isfel fl-indiċi tal-korruzzjoni, bl-ebda mod ma tista’ titkellem dwar xi sinjal indikattiv ta’ tmexxija tajba.
Joseph Muscat li kien preżenti meta Anton Borg lissen it-twissija tiegħu dwar in-nuqqas ta’ trasparenza, għamel bħan-ngħama u iddikjara li l-pajjiż kien għadu kalamita għall-investiment
Il-Prim Ministru Joseph Muscat li kien preżenti meta Anton Borg lissen it-twissija tiegħu, għamel bħan-ngħama u iddikjara li l-pajjiż kien għadu kalamita għall-investiment. Ħadd, emfasizza b’qawwa Joseph Muscat, ma jinvesti f’pajjiż fejn tirrenja l-korruzzjoni.
Anton Borg u Arthur Muscat huma persuni serji u qagħdu attenti ħafna biex ma jinqabdux f’dibattitu ta’ politika partiġġjana. Huma konxji wkoll li dawn mhumiex żminijiet normali. Imma f’isem il-komunità kummerċjali li jirrappreżentaw, għażlu li jieħdu pożizzjoni ċara. Huwa pass tajjeb u ta’ min ifaħħru li Anton Borg u Arthur Muscat għan-nom tal-komunità kummerċjali li jirrappreżentaw għażlu li jieħdu posizzjoni ċara kontra n-nuqqas ta’ trasparenza fl-amministrazzjoni u favur it-tmexxija tajba.
F’nota introduttiva għall-istħarriġ ta’ Ernst & Young li ġie ppubbikat taħt it-titlu The future is today, Ronald A. Attard jgħid: “Malta għadha ta’ attrazzjoni għall-investituri barranin. Fil-fatt, il-punteġġ ta’ din is-sena huwa l-għola f’dawn l-aħħar tliet snin. Imma dan il-kumment ta’ natura ġenerali jostor ċaqliq sinifikanti fid-dettall, ċaqliq li ma jistax ikun injorat. Biex nifhmu sewwa ma nistgħux inħarsu mill-bogħod. Irridu naraw bil-lenti u mill-viċin.” [Malta remains attractive to foreign investors. Indeed, this year’s scores are the highest in the last three years. Yet, this helicopter view hides significant shifts on the ground, which cannot be ignored. To get the full picture, we need to install a telescope on the helicopter.]
Mid-dehra, Joseph Muscat il-Prim Ministru jippreferi jħares mill-bogħod. M’għandux paċenzja jeżamina d-dettall bir-reqqa. Kieku jeżamina ir-riżultati mill-viċin kien jirrealizza li fuq perjodu ta’ tnax-il xahar jirriżulta li dawk li jikkunsidraw li l-istabbiltà u t-trasparenza tal-ambjent politiku, legali u regolatorju f’Malta huwa ta’ attrazzjoni biex jiġbed l-investiment barrani naqas minn 85% għal 70%.
Ir-realtá qed tinbidel u mhux kulħadd qiegħed jinduna.
L-Indiċi tal-Korruzzjoni għas-sena 2016 ippubblikat minn Transparency International, min-naħa l-oħra juri li f’sena Malta tilfet 10 postijet: mis-37 post niżlet għas-47 post. Dan mhux sinjal tajjeb. Huwa ta’ inkuraġġiment biss għal persuni bħal Shiv Nair, konsulent tal-Gvern Malti minkejja li ġie mwarrab mill-Bank Dinji wara li kien involut fil-korruzzjoni.
Joseph Muscat jidher li huwa inkwetat u jixtieq jipproteġina minn xi ġurnalisti li jridu “jabbużaw” minna. Ikun ħafna aħjar kieku minflok, dan jassigura li l-isttuzzjonijiet li huma mwaqqfa biex jipproteġuna jitħallew jagħmlu xogħolhom kif intenzjonat. Għal Muscat u dawk ta’ madwaru dan mhuwiex daqstant ovvju imma għalina lkoll li mmissu l-problemi b’idejna kuljum, dan hu ċar daqs il-kristall.
Dan il-pajjiż għandu ħafna x’joffri u jista’ jkun ħafna aħjar. Imma għandu bżonn tindifa nobis.
L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com