Il-Gvern iddeċieda li jmur lura fuq proposta li kien għamel dwar l-att tal-media u l-malafama li kienet tirrikjedi li siti tal-aħbarijiet online kellhom jirreġistraw ma' reġistratur imqabbad apposta.
Din id-deċiżjoni ġiet imħabbra mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo meta kienu qegħdin jieħdu sehem f'sessjoni ta' informazzjoni dwar din il-liġi organizzata mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
Iż-żewġ ministri ħabbru wkoll li fejn għandhom x'jaqsmu mezzi tax-xandir tradizzjonali, ir-reġistrazzjoni tal-edituri u l-pubblikaturi tagħhom mar-reġistratur hija waħda purament volontarja.
Fuq in-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-sorsi li bil-liġi l-ġdida kienet se tkun qed tiġi limitata għal dawk il-gazzetti, xandir u siti li jkunu rreġistraw il-media tagħhom, issa se tkun mifruxa sabiex tapplika għal kull min ikun qed jagħmel att ta' ġurnaliżmu.