Zammit Lewis jinsisti li l-invoices tal-PN huma 'foloz'

Owen Bonnici jgħid li hija gidba li l-kumpaniji tal-partiti politiċi huma esklużi mil-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti

Il-Ministru Edward Zammit Lewis jinsisti li l-invoices li l-PN qed jgħid li ħareġ għal servizzi li ta lill-grupp db, wara donazzjonijiet lill-PN, "huma invoices foloz." 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Zammit Lewis qal li, "dawn huma foloz għax ma kienx sar dak l-arranġament." Insista wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jinħeba taħt is-segretezza, jekk imbagħad qed jistenna li l-Partit Laburista jippubblika kollox. Minbarra dan, il-Ministru tat-Turiżmu jerġa jistaqsi lil Busuttil jekk hemmx xi negozjant ieħor li qed iħallas pagi oħra ta' uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, anke jekk din il-mistoqsija wieġeb għaliha lbieraħ waqt f'intervista mal-gazzetta The Times. "Għalkemm wieġeb dwarha lbieraħ, qed nerġa' nagħmillu d-domanda, biex jerġa jaħseb dwarha."

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li Simon Busuttil kien qed jigdeb meta lbieraħ qal li l-kumpaniji tal-Partiti huma esklużi mil-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti għaliex il-liġi tgħid biċ-ċar li dawn huma inklużi wkoll. Fil-fatt jinsisti li jekk issir donazzjoni lil xi kumpanija jew fergħa tal-partit politiku, xorta waħda din tgħodd bħala donazzjoni lill-Partit. "Jekk tagħti donazzjoni lil Net Television qisek tajt donazzjoni lill-PN," sostna Bonnici.

Bonnici qal ukoll li Busuttil ġab skuża bil-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien jinsab fi stat finanzjarju ħażin biex jaċċetta d-donazzjonijiet  "Il-fatt li sab sitwazzjoni ħażina, ma ttihx liċenzja biex jikser il-liġi," temm jgħid Bonnici.

More in Politika