Numru ta’ mexxejja tal-UE kritikaw lit-Turkija dwar attentati mill-Gvern Tork li jorganizza protesti f’pajjiżi Ewropej
Il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan akkuża lill-Ġermanja u l-Olanda b’Nazziżmu wara li dawn waqqfu l-protesti minn nies Torok f’pajjiżhom.
Il-Prim Minstru Olandiż Mark Rutte qal li l-kummenti ta’ Erdogan kienu “inaċċettabbli”, filwaqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja wera t-tama tiegħu li t-Turkija “terġa tiġi f’sensiha”.
Intant il-mexxej tad-Danimarka qal li se jipposponi laqgħa mal-Prim Ministru tat-Turkija.
Il-Prim Ministru Lars Lokke Rasmussen wera t-tħassib tiegħu li “l-prinċipji demokratiċi jinsabu taħt pressjoni kbira fit-Turkija,” hekk kif żied jgħid li ppospona l-laqgħa li kella ssir aktar tard dan ix-xahar hekk kif “bl-attakki li t-Turkija qed tagħmel fuq l-Olanda bħalissa, il-laqgħa ma tistax titqies b’mod separat minn dak li qed jiġri.”
L-iskop tal-protesti li ma tħallewx isiru fil-Ġermanja u l-Olanda kien biex numru ta’ Torok li qegħdin jgħixu fl-Ewropa jivvotaw Iva f’referendum biex jiġu estiżi l-poteri tal-President Erdogan.
Iżda l-protesti li kienu pjanati biex isiru fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Olanda ġew imwaqqfa wara li uffiċjali lokali urew tħassib għas-sigurtà tal-lokali u għax protesti ta’ dan it-tip setgħu iżidu tensjoni mhux neċessarja.
Protesta pjanata fi Franza iżda tħalliet issir, hekk kif l-uffiċjali Franċiżi ma ħassewx li din setgħet tkun ta’ riskju għas-sigurtà.
Il-problemi bejn it-Turkija u l-Olanda skalaw dan il-wekeend, wara li żewġ Ministru Torok ġew imwaqqfa milli jindirizzaw protesta f’Rotterdam, fejn wieħed mill-Ministri saħansitra ġie skortat sal-Fruntiera Ġermaniża.
Wara dan, Erdogan qabbel l-Olanda ma’ “Repubblika tal-Banana,” u talab lil numru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex jimponi sanzjonijiet fuq l-Olanda u akkuża numru ta’ pajjiżi tal-Punent b’ “Islamofobia”.
“Kont naħseb li n-Nazziżmu spiċċa, iżda kelli żball, għax għadu ħaj fil-pajjiżi tal-Punent,” żoed jgħid Erdogan.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte qal li qiegħed jistenna apoloġija minn naħa ta’ Erdogan minħabba li xebbaħ lill-Olandiżi ma’ “Faxxisti Nazzisti”, hekk kif fakkar li waqt it-tieni gwerra dinija, l-Olanda kienet ibbumbardjata minn Nazis u qatt mhu se jaċċettaw li jiġu msejjħa b’tali mod.
“Jekk it-Turkija tkompli fuq din it-triq, l-Olanda se jkollha tikkunsidra r-rispons tagħha,” temm jgħid Rutte.