Trusts għall-familji ta’ persuni b'diżabilità

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana tiftaħ seminar ta’ tagħrif dwar l-Att dwar Trusts u Trustees organizzat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

“Il-qasam tad-diżabilità qiegħed fuq nett fuq l-aġenda tal-Gvern u b’liġi apposta ridna nserrħu ras il-ġenituri mill-ġejjieni ta’ wliedhom.”

Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta fetħet seminar ta’ tagħrif dwar l-Att dwar Trusts u Trustees organizzat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità bil-kooperazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi.

Hija fakkret kif f’din il-legiżlatura tressqu għadd rekord ta’ liġijiet u servizzi ġodda li ddaħħlu speċifikatament għall-qasam tad-diżabilità. Hija fissret li għalkemm il-Gvern fid-dmir li jfassal liġijiet u jimplementa l-miżuri meħtieġa, huwa dejjem meħtieġ li jsiru laqgħat bħal dawn, kemm qabel kif ukoll wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet. “Mhux biss irridu nisimgħu l-fehma ta’ kull min huwa involut—inklużi l-istess persuni b’diżabilità—imma rridu nkejlu wkoll jekk il-ħidma tagħna hix qed tindirizza l-bżonnijiet u l-isfidi li d-diżabilità ġġib magħha ta’ kuljum,” qalet Justyne Caruana.

Waqt li wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-analiżi kontinwa tal-isfidi u l-anzjetajiet fi ħdan il-familji ta’ persuni b’diżabilità, hija tenniet l-importanza ta’ djalogu kontinwu mal-persuni nfushom, mal-familji tagħhom, u l-istakeholders kollha, inklużi l-akkademiċi. “Ma rridu bl-ebda mod nieħdu post il-familji, imma dmirna noffru l-appoġġ bi skemi u servizzi ġodda. Il-Gvern ħa dan l-impenn u se jonorah akkost ta’ kollox—hekk qed isir u hekk jibqa’ jsir.”

Justyne Caruana fakkret li proprju għal dan is-serħan tal-moħħ lill-ġenituri, il-Gvern miexi sew fuq il-proġett ta’ soċjetà ġusta bi djar żgħar fil-komunità li minnhom daqt se jkollna tmienja mill-għaxra ppjanati għal din il-leġiżlatura. “Waqt li x-xogħol għaddej għal dawk f’Ħaż-Żabbar u Pembroke, għadni kif ħabbart oħrajn fin-Naxxar u l-Kalkara, apparti oħra għall-persuni bl-ALS, kif konfermat mill-Prim Ministru nnifsu”, kompliet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana. 

Hija fissret li dan jiżdied mal-ħafna ċentri ta’ taħriġ madwar il-pajjiż, fosthom dak li għadu kif ġie inawgurat f’Tas-Sliema fejn qed jitwettaq programm flimkien għal dawn il-persuni, il-ġenituri u l-carers biex ikun hemm kontinwità bejn iċ-ċentru u l-ħajja normali fid-dar. 

Caruana saħqet li l-qasam tax-xogħol huwa kruċjali għal ħajja indipendenti, u l-Gvern ħadem u jkompli jaħdem biex ikollna iktar persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol u li jibqgħu fl-impjieg. “Ir-riżultati jitkellmu waħidhom imma nafu li hemm sfidi kbar, minkejja li llum naraw kif il-kliem u l-ħsieb tal-konvenzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità qed jitwettqu bil-fatti", qalet Justyne Caruana.

Dwar il-Liġi tat-Trusts u Trustees, Caruana fissret kif il-Gvern daħħal l-iskop soċjali fil-liġi propju biex il-familja tkun tista’ tagħmel il-pjanijiet tagħha permezz ta’ strutturi legali u amministrattivi għas-serħan tal-moħħ. ”It-trusts huma importanti għax ir-riżorsi tal-familja, il-ġid u l-beni tagħhom qed jiġu mħarsa biex imbagħad jgħaddu għand il-wild. Nafu li ħafna drabi l-familji jkollhom biss darhom, bil-ħafna sagrifiċċji biex tkun saret.Għalhekk nisħqu fuq il-protezzjoni tal-assi, bl-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji bħala regolatur biex niggarantixxu l-qafas legali meħtieġ biex il-pjani u r-rieda tal-familji nfushom ma jkunux abbużati. Daħħalna wkoll inċentivi fiskali kuraġġużi billi neħħejna t-taxxi, mhux biss biex tinħoloq it-trust imma anke għal wara li l-proprjetà tmur għand l-aħwa u werrieta oħra," fissret Justyne Caruana.

Hija qalet li għalkemm dan jista’ jkun suġġett tekniku, huwa importanti li l-familji ta’ persuni b’diżabilità jkunu jafu sew x’toffrilhom din il-liġi li hija mmirata apposta biex isserħilhom moħħhom mill-ġejjieni ta’ wliedhom b’diżabilità.

Caruana fissret li din il-liġi u oħrajn flimkien mar-riforma kbira fil-pensjonijiet għal dawn il-persuni bħala rivoluzzjoni siekta li qed iwettaq il-Gvern. “Aħna determinati li eventwalment il-pensjoni tilħaq il-paga minima u nwessgħu l-faxex ta’ diżabilità li jkunu eliġibbli għal pensjoni.  Nafu wkoll bl-iżvantaġġi ta’ persuni b’diżabilità moħbija u għalhekk qed nagħtuhom iktar viżibilità u importanza, lilhom u lill-familji tagħhom, minn issa għall-ġejjieni,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana.

More in Politika