Azzjoni industrijali mill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir

Wara tilwim bejn il-ħaddiema u ċ-Chairman tal-Awtorità, il-UĦM qed titlob għar-riżenja taċ-Chairman

Josef Vella, President tal-UĦM
Josef Vella, President tal-UĦM

Il-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir se jieħdu azzjoni industrijali mill-llum wara tilwim li kellhom maċ-Chairman tal-Awtorità, Tanya Borg Cardona.

Għaldaqstant minn dalgħodu stess, fost affarijiet oħra, il-ħaddiema la se jirrispondu telefonati u lanqas emails, kif ukoll mhux se jieħdu ħsieb il-moniterġġa tal-ġrajjiet kurrenti, bħal ma jagħmlu kuljum.

Dawn l-azzjonijiet tħabbru aktar kmieni dalgħodu mill-President tal-UĦM, Josef Vella waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Awtorità tax-Xandir.

Valla qal li "jekk ikun hemm ħaddiem wieħed żejjed, it-tmexxija ta-kumpanija trid tkun obbligata ssolvi l-problema, iżda jekk it-23 ħaddiema kollha jkunu żejda, allura hemm problema bit-tmexxija.

Il-kummenti ta' Vella kienu mmirati lejn l-amministrazzjoni preżenti, li huwa akkuża li ħolqu ambjent tax-xogħol li mhux xieraq għall-awtorità f'dan l-irwol.

"Ħaġa partikolarment inkwetanti," qal Vella, "hija l-fatt li l-pajjiż riesaq lejn elezzjoni, fejn ix-xogħol tal-Awtorità għandu jkun wieħed imprezzabbli għall-pajjiż."

Vella qal li l-Union kitbet numru ta' ittri f'isem il-ħaddiema, inkluż waħda lill-Prim Ministru.

"Kellna risposta fit-23 ta' Frar, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn ma ġara xejn, jekk mhux is-sitwazzjoni marret għall-agħar," sostna Vella.

Minbarra t-tmexxija tal-Awtorità qalet lill-ħaddiema li huma żejda, huma ġew ukoll infurmati li se jiċċaqalqu għal uffiċini ġodda fil-Belt Valletta, li huma ferm iżgħar minn dawk li hemm bħalissa.

Vella staqsa għal min se jkollhom iċedu l-post li qed jintuża bħalissa u kif il-ħaddiema se jkunu mistennija jaħdmu f'post daqshekk żgħir.

Filwaqt li l-azzjonijiet industrijali bdew b'effett immedjat, il-UĦM ma eskludietx li jekk is-sitwazzjoni ma tissolviex, jistgħu jittieħdu aktar miżuri.

More in Politika