Inċentivi mill-Gvern għal użu effiċjenti tal-enerġija mill-lukandi

Il-Gvern se jagħmel stħarriġ biex jiġu identifikati t-titjib li jridu jsiru, u se joffri inċentivi f'forma ta' 'tax credits' biex il-lukandi jkunu aktar effiċjenti

Permezz ta' 'Public Private Partnership' flimkien mal-MHRA, se tiġi implementata sistema għall-effiċjenza tal-enerġja fil-lukandi, li se tpoġġi l-lukandi Maltin "fuq quddiem nett fl-effiċjenza tal-enerġija fil-Mediterran," skont il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi.

Konrad Mizzi nieda din l-iskema ġdida waqt konferenza dwar l-ospitalità organizzata mill-MHRA.

Huwa spjega  kif din l-iskema, għall-bidu se tiddetermina l-istat tal-effiċjenza tal-enerġija fis-settur. Dan se jsir permezz ta' fondi b'valur ta' €1 miljun allokati mill-Gvern, sabiex il-lukandi jagħmlu l-istħarriġ dwar l-istat tal-effiċjenza tagħhom.

Wara li l-informazzjoni kollha tinġabar mill-lukandi, jiġu stabbiliti l-indikaturi li fuhom jiġu bbażati r-riformi li hemm bżonn jibdew isiru sabiex titjieb l-effiċjenza.

Mizzi spjega kif il-lukandi li jimplementaw miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija, se jiġu premjati permezz ta' sistema ta' punti, li jkunu jistgħu jissarfu fi krediti tat-taxxa għal investiment f'aktar proġetti għall-effiċjenza tal-enerġija.

Huwa spjega li skemi bħal dawn se jgħinu lil Malta tilħaq il-mira ta' tnaqqis b'27% tal-emmissjonijiet primarji sal-2020.

L-Inġinier Joseph Restol, li qed jieħu ħsieb il-proġett li l-għan prinċipali tal-iskema se jkun li joffri inċentivi sabiex l-industrija tal-lukandi taqleb għall-prattiċi aktar effiċjenti fil-konsum tal-enerġija.

Il-proġett se jiġi implementat fi tliet fażijiet, qal Restol, fejn l-ewwel fażi diġà lesta. Din il-fażi kienet tinkludi it-twaqqif ta' qafas legali sabiex jagħmel il-proġett possibbli, li sar mill-kumpanija Deloitte.

It-tieni fażi, li se tibda l-ġimgħa li ġejja, spjega Restol, se tara l-kitba ta' politika formali, sabiex jitwaqqfu l-parametri tal-iskema. L-aħħar fażi imbgħad, tkun l-implementazzjoni ta' aktar metodi għal sapport u taħriġ fl-industrija.

More in Politika