'Is-social care unit f'Għawdex hemm kien meta sirt Ministru'

Id-deputata Giovanna Debono tinsisti li hi qatt ma ndaħlet fil-ħidma tas-social workers

L-eks ministru għal Għawdex Giovanna Debono, f'kuntatt mal-illum.com.mt qalet li s-social care unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li huwa responsabbli mill-każi soċjali fil-gżira Għawdxija kien fis-seħħ minn qabel ma' hi saret Ministru għal Għawdex.

Fi tweġiba għal dak li qal nhar il-Ħadd li għadda, f'intervista mal-gazzetta ILLUM, is-CEO tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali Alfred Grixti, id-deputata Għawdxija qalet li dan il-unit kien diġà fis-seħħ qabel ma' saret Ministru hi.

Fl-intervista tal-Ħadd li għadda, Grixti qal, li social worker, li implika li kien involut f'indħil f'care order fl-2014, kien ġie appuntat minn Giovanna Debono u qal li Debono ma ridetx li jkun hemm l-Appoġġ u l-aġenzija Sedqa f'Għawdex. Żied jgħid li l-kunċett ta' social care unit fi ħdan il-Ministeru, li kien hemm fi żmien Debono u għadu għaddejja s'issa, 'hi ġennata kbira'.

Għal dan, Giovanna Debono sostniet li ma kinetx hi li waqqfet dan il-unit, iżda sabitu hemm diġà mal-ħatra tagħha u anke l-istess social worker imsemmi kien diġà qed jagħti servizz f'dan is-social work unit. Mal-ILLUM, Debono kompliet tgħid li l-meta saret Ministru, rat li dan il-unit kien qiegħed jiffunzjona u 'komplejna nsaħħuħ.'

Debono żiedet issostni li hi qatt ma ndaħlet fil-ħidma tas-social workers. Id-deputata Debono qalet kif, jekk kien ikun hemm bżonn iktar ħaddiema fid-dipartiment, dan kien jiġi kkonfermat u approvat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li imbagħad joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet, sabiex issir il-proċedura li ssir is-soltu.

More in Politika