L-AD tilqa' r-rifjut għall-żvilupp 'intensiv' fil-Mosta

...tfakkar illi f'din il-lokalità biss hemm 16.2% tal-proprjetà li hija vojta

'Id-deċiżjoni tal-bieraħ tal-Awtorità tal-Ippjanar li tirrifjuta l-applikazzjoni biex art fil-periferija tal-Mosta tkun żviluppata b’mod intensiv toffri tama li s-sens komun fl-ippjanar għall-użu tal-art f’pajjiżna għadu ma intilifx għal kollox.'

Dan qalu Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika huwa u jikkummenta dwar deċiżjoni li ittieħdet il-bieraħ filgħaxija mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-applikazzjoni PC 039/09 biex ikun determinat x’tip ta’ żvilupp hu permissibbli fuq art tal-qies ta’ 38,600 metru kwadru ħdejn it-Torri Cumbo l-Mosta.

Carmel Cacopardo l-bierah kien preżenti għas-seduta tal-Awtoritá u f’isem residenti fl-inħawi tkellem kontra l-applikazzjoni taħt konsiderazzjoni. "Alternattiva Demokratika hi konxja li l-istorja ma tieqafx hawn għax id-deċiżjoni żbaljata favur l-iżvilupp ilha li ttieħdet sa mill-2006 mill-Parlament bħala parti mill-eżerċizzju li bih madwar żewġ miljun metru kwadru ta’ art fil-periferija tal-ibliet u l-irħula tagħna ngħataw għall-iżvilupp"

"Huwa neċessarju", żied jgħid Carmel Cacopardo "li qabel ma din l-applikazzjoni tkun ikkunsidrata mill-ġdid, kif inevitabilment ser jiġri, ikun ikkunsidrat bir-reqqa l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali ta’ dan l-iżvilupp massiċċ."

"Hemm ħtieġa li jsiru l-istudji neċessarji li jikkwantifika dan l-impatt u li jkunu identifikati miżuri ta’ mitigazzjoni.  Fost oħrajn kwantità għandna niftakru li l-aħħar ċensiment li sar fl-2011 kien żvela li minn 8359 residenza fil-Mosta, 16.2% kienu vakanti u 3.2% oħra kienu użati okkazjonalment. Dan waħdu diġa huwa raġuni valida biżżejjed li minħabba fiha dan it-tip ta’ żvilupp għandu jkun skoraġġit," kompla jgħid Carmel Cacopardo.

Għandu jkun ikkunsudrat ukoll li għall-futur, il-kunsiderazzjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ din ix-xorta jkunu akkumpanjati minn miżuri innovattivi ta’ ħarsien ambjentali fosthom l-obbligu tal-ġenerazzjoni ta’ elettriku mix-xemx b’tali mod li kull waħda mill-units reżidenzjali permessi tkun carbon neutral.

“Din id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, hi lezzjoni għall-Gvern u l-Oppożizzjoni”, ikkonkluda Carmel Cacopardo,”li wasal iż-żmien li d-deċiżjoni stupida li kien ħa l-Parlament fl-2006 tkun reveduta, mhux biss dwar l-art fil-Mosta iżda dwar kull wieħed miż-żewġ miljuni metru kwadru li dakinnhar ingħataw għall-iżvilupp.”

 

More in Politika