L-Assoċjazzjoni tal-eks Membri Parlamentari Maltin qed tipproponi li kull persuna li tiġi elett/a fl-għola kariga tal-pajjiż għandha tidħol f’din il-kariga fuq bażi ta’ “Full Time”. L-Assoċjazzjoni mmexxija mill-eks Deputat Laburista Għawdxi Lino De Bono qed tisħaq illi dan għandu jagħmel lil kull Deputat iktar finanzjarjament indipendenti u tfakkar illi fil-preżent il-kunċett ta' Deputati full time huwa diġa aċċettat.
"Fil-preżent huma dawk biss fil-karigi ta’ Ministri jew Segretarji Parlamentari flimkien mal-Kap ta’ l-Oppozizzjoni li huma ikkonsidrati bħala “Full Timers”. Mela s-sistema ta’ full timers Parlamentari diġa qiegħda fis-seħħ u aċċettata. Il-problema tibqa’ biss fuq il-Membri Parlamentari min-naħa tal-Gvern, li m’humiex fuq bażi ta’ “full timers”. Ta’ min jgħid li diversi minn dawn jingħataw inkarigi ta’ Chairmanships u ghaldaqstant huma kwazi tista tghid fuq bazi ta’ full timers," tgħid l-istess assoċjazzjoni
Fil-fehema tal-Assoċjazzjoni xogħol fuq bażi ta’ Part-Timers ma jagħtix l-opportunita’ u ħin sabiex isir studju/riċerka u preparamenti sabiex Membru jkun preparat u f’pożizzjoni li verament jippreżenta bażijiet t’argumenti studjati fil-Parlament.
L-Assoċjazzjoni tiddubita kemm Membri Parlamentari qed ikunu mharrġa "fir-ruxmata liġijiet li qed jitfasslu fl-Unjoni Ewropea u lokalment. Allura kif u x’fatta qed jinħarsu l-interessi tal-pajjiż sew f’Malta kif ukoll barra fl-Unjoni? tistaqsi l-istess assoċjazzjoni.