Il-General Workers’ Union mil-lum, is-Sibt, tat bidu għall-azzjonijiet industrijali fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid, dan wara li l-awtoritajiet konċernati baqgħu jiddiskriminaw ma’ numru ta’ ħaddiema li qed jingħataw trattament differenti minn kollegi tagħhom f’ċentri tas-saħħa oħra. Dawn l-azzjonijiet industrijali daħlu fis-seħħ wara li l-awtoritajiet, minkejja l-inistenza tal-GWU, naqsu li jieħdu azzjoni u jikkoreġu d-diskriminazzjoni mal-ħaddiema tar-reception f’dan iċ-ċentru tas-saħħa.
Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Jeremy Camilleri stqarr li għall-GWU mhuwiex aċċettabbli li jkollok diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol, billi jkollok minn jingħata kundizzjonijiet ta’ impjieg aktar preferenzjali minn ħaddieħor li huwa fl-istess grad: “Żmien il-privileġġi ilu li spiċċa, u bħala GWU nippretendu li l-ħaddiema li huma fl-istess grad u qegħdin jaqdu l-istess doveri għandhom jirċievu l-istess rispett u jgawdu mill-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol.”
Camilleri, filwaqt li saħaq li jiddispjaċih għall-kwalunkwe inkonvenjent li jista’ jiffaċċja l-pubbliku li jagħmel użu miċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid, qal li dawn l-azzjonijet se jibqgħu fis-seħħ sa ma l-awtoritajiet jagħrfu u jikkoreġu dawn in-nuqqasijiet. F’każ li dan ma jseħħx, mhuwiex eskluż li l-azzjonijiet jiħraxu.