Minkejja li l-Alternattiva Demokratika tibqa’ miftuħa għall-idea ta’ koalizzjoni fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, dak li qegħdin jipproponhulhom il-Partit Nazzjonalista mhux koalizzjoni, iżda li jibilgħu lill-AD u jagħmluh parti minnhom.
Dan sostnieh iċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, fit-tmien il-laqgħa ġenerali tal-partit is-Sibt filgħodu.
Cassola spjega li b’koalizzjoni, l-AD tifhem l-għaqda ta’ żewġ partiti jew aktar, li flimkien jippreżentaw programm elettorali komuni taħt isem u simbolu ta’ partit ġdid.
“Kull partit iżomm l-identità u l-ideali tiegħu, iżda jingħaqad ma’ oħrajn taħt isem ġdid komuni,” qal Cassola. “Iżda dak li qed jiġi propost, huwa assimilazzjoni, u mhux koalizzjoni, hekk kif dak li qed jiġi ssuġġerit huwa li l-kandidati tal-AD jiżdiedu biss mal-lista ta’ partit ieħor.”
Cassola għamel biċ-ċar li kwalunkwe sieħeb politiku li jrid jingħaqad mal-AD, irid ikun ukoll eżempju perfett ta’ governanza tajba u jrid jiċċara kull dubju, li dan l-aħħar, qishom qed joħorġu kull ġimgħa.
Huwa qal li l-partit fil-Gvern bħalissa għadu qed jirrifjuta li jirreġistra mal-Kummissjoni Elettorali u li jimxi mal-leġiżlatura tal-finanzjament tal-partiti.
Minn naħa l-oħra, dwar il-PN, Cassola qal huwa ħażin li qegħdin jippruvaw jiġġustifikaw donazzjonijiet minn kumpaniji kummerċjali kbar, bħala ħlas għal servizzi kummerċjali minn kumpaniji oħra, hekk kif il-leġiżlatura tagħmilha ċara li s-sussidjarji kummerċjali tal-partiti huma inklużi.
“Dan il-partit m’għandux donazzjonijiet sigrieti moħbijin jew flus imħallsa għal servizzi lil xi entità sussidjarja,” qal Cassola. “Aħna bqajna wkoll konsistenti u fidili lejn il-valuri tagħna, minn kemm ilna neżistu.”
Cassola qal li l-AD hija kontra żvilupp fuq art ODZ, u għaldaqstant ħadd mill-memebri tagħha mhu se jibni fuq art ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp.
“Jekk aħna kontra proġett mogħti b’konkessjoni lill-grupp Saabank, imbgħad mhux se mmorru nirrappreżentawhom waqt in-negozjati mal-Gvern,” kompla jgħid Cassola.
Huwa żied jispjega li l-valuri ambjentali u l-politiċi tal-AD inħolqu għasll-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Partit baqa’ wkoll impenjat lejn il-ġustizzja soċjali li tipproteġi lid-dgħajjef, u se tibqa’ tikkontesta deċiżjonijiet li bihom, mara ta’ ministru ingħatat €13,000 paga fix-xahar, jew li grupp ta’ żviluppaturi jingħata perjodu ta’ seba’ snin mingħajr interessi biex iħallas konċessjoni ta’ €10 miljuni.
Cassola għamel talba għal donazzjonijiet ‘legali’ biex jassiguraw li Alternattiva Demokratika jkunu jistgħu joffru alternattiva viabbli għal Joseph Muscat jew Simon Busuttil.
“Aħna qed noffru l-kontribut tagħna għal bidla tant bżonnjuża f’dan il-pajjiż,” temm jgħid Cassola.