Mad-90 ħaddiem tal-Gvern fiċ-Ċittadella biss

... 46 minnhom inaddfu, ibajdu u jkaħħlu

Iċ-Ċittadella mhix biss fortifikazzjoni mill-isbaħ u mill-aktar storika, imma mid-dehra hija wkoll sors ewlieni ta’ impjiegi f’Għawdex għall-Għawdxin. Minkejja li tliet ġimgħat wara li l-ILLUM bagħtet mistoqsijiet lill-Ministeru, baqgħet bla risposti, ċifri approssimattivi li għandha f’idejha din il-gazzetta juru li b’kollox hemm 86 ħaddiem tal-Gvern li għandhom impjieg fiċ-Ċittadella.

Dan ma jinkludix ħaddiema ta’ Heritage Malta li jaħdmu fil-mużewijiet tal-istess Ċittadella, ħaddiema tal-Environment Landscapes Consortium (ELC) jew ta’ kuntratturi privati.  

Iktar minn nofshom, jew 46 huma persuni li jagħmlu xogħol ta’ tibjid, tindif u tikħil. Dawn il-ħaddiema jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ 23 persuna f’kull grupp li jaħdmu żewġ shifts. L-ILLUM tinsab infurmata li dawn jaħdmu mit-Tnejn sas-Sibt.

 

Iċ-Ċittadella : Maestuża, storika u tiġġenera ħafna impjiegi, wkoll!
Iċ-Ċittadella : Maestuża, storika u tiġġenera ħafna impjiegi, wkoll!

Foremen fuq il-foremen u supervisors fuq il-cleaners

....jiddaħħlu mat-30 persuna ġdida fil-WSC f’Għawdex

Intant, mil-lista li għandha din il-gazzetta jirriżulta li apparti dawn il-ħaddiema, hemm impjegati sitt ‘foremen’. Erbgħa foremen fuq il-ħaddiema u żewġ foremen fuq il-foremen, jew inkella ‘super-foremen’. Wieħed minn dawn is-super-foremen huwa għalliem irtirat li llum jgħodd 70 sena. Imbagħad hemm, bix-xieraq, manager fuq kulħadd.

Barra dawn, bħalissa qed jaħdmu wkoll tliet cleaners oħra ma’ kumpanija privata b’kuntratt mill-Minsteru ta’ Għawdex u 10 persuni bħala security. Dawn l-10 minn nies jaħdmu fi gruppi ta’ tlieta f’kull shift.

Fiċ-ċentru tal-Interpretazzjoni, li jagħti spjegazzjoni tal-istorja tal-fortifikazzjoni Għawdxija, hemm jaħdmu disa’ persuni fuq bażi ta’ shift ukoll. Fis-Sentinella, fejn kien il-Ħabs l-antik, ġew impjegati tmien persuni: sitt cleaners u żewġ supervisors fuqhom li jieħdu ħsieb il-post.

U fl-aħħar nett, fil-binja li ġiet esproprijata mill-Gvern fit-telgħa taċ-Ċittadella, hemm tliet persuni amministraturi tal-fortifikazzjoni.

Dan b’kollox jgħodd għal 86 impjegat. Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew li din iċ-ċifra hija approssimattiva u qed tinbidel, kważi kull ġimgħa.

Nhar is-7 ta’ Marzu li għadda, l-ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru ta’ Għawdex. Din il-gazzetta staqsiet jekk jikkonfermax jew jiċħadx li hemm bejn 50 u 70 persuna li taħdem fiċ-Ċittadella u staqsejna wkoll lill-Ministeru biex jagħtina rendikont ta’ fejn jaħdmu dawn il-persuni. Sakemm morna għall-publikazzjoni, konna għadna ma rċevejniex risposta.

Kienet l-ILLUM li fil-ħarġa tal-5 ta’ Marzu li għadda żvelat kif iċ-Ċittadella hija waħda mill-postijiet fejn il-Ministeru t’Għawdex, taħt pressjoni minn diversi bnadi, qed idaħħal nies jaħdmu fosthom fi skemi ta’ xogħol fil-komunità, kumplessi sportivi u numru ta’ persuni li ddaħħlu jaħdmu mal-Water Services Corporation f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Fil-fatt, l-ILLUM tinsab infurmata li nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu li għadda, ddaħħlu jaħdmu madwar 30 persuna ġdida mal-Water Services Corporation f’Għawdex.

Refalo: Aktar popolari...imma taħt ħafna aktar pressjoni

Minkejja li dan kollu qed jagħmel lil Refalo iktar popolari fost settur ta’ votanti Għawdxin, garanzija biżżejjed biex ikun elett b’mod komdu, huma ħafna dawk li mhuma kuntenti xejn bl-operat tiegħu. Fosthom, dawk li jħaddmu, u n-negozjanti u saħansitra l-Prim Ministru stess. Dawk li jħaddmu qed jilmentaw bil-qawwi li mhux qed isibu persuni biex jimlew il-postijiet tax-xogħol, hekk kif huma ħafna dawk li qed jippreferu jaċċettaw impjieg mal-Gvern jew fl-iskemi, bil-wegħda li eventwalment isiru tal-post.

Minn Kastilja jidher li ma tantx ħierġa wisq ammirazzjoni lanqas, għall-mod kif qed ikun operat Għawdex u huwa fatt magħruf li l-favorit ta’ Muscat huwa d-Deputat Franco Mercieca.

Anke jekk Refalo qed jikseb popolarità fost dawk li qed jingħataw impjieg mal-Gvern, dan qed jitfa’ pressjoni dejjem tikber fuqu u fuq il-Ministeru, b’bosta jmorru l-Ministeru u jitolbu impjieg mal-Gvern (b’xi theddida bil-vot) u oħrajn jesiġu li tinżamm il-wegħda li saret magħhom minn Refalo qabel l-elezzjoni u jingħataw l-impjieg imwiegħed mal-Gvern. Qed ikunu bosta wkoll dawk li tpoġġew fuq l-iskema tax-xogħol fil-komunità bi ħlas minimu, li qed imorru fuq Refalo u qed jitolbuh biex qabel l-elezzjoni jsiru tal-post. 

More in Politika