Zrinzo Azzopardi b’imbuttatura tajba fuq il-ħames distrett

Il-GHRC se tkun responsabbli mill-konsultazzjoni għar-riġenerazzjoni ta’ B’Bugia

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi

Ix-xenarju politiku Laburista fil-ħames distrett, li fih il-Partit Laburista jeħtieġ jattira mill-inqas 8,500 vot li fl-2013 marru għand il-Kummissarju Malti Karmenu Vella u l-Kap tal-PD Marlene Farrugia, qed ikompli jiżvolġi b’Stefan Zrinzo Azzopardi mistenni jingħata palata tajba u jsaħħaħ idejh, hekk kif se jkun parti ċentrali minn proġett ta’ riġenerazzjoni f’Birżebbuġa.

Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) li tagħha Zrinzo Azzopardi huwa ċ-Chairman kienet appuntata biex tmexxi l-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi għaqdiet u anke individwi bil-għan li jkun varat pjan ta’ riġenerazzjoni għal-lokalità li għal snin sħaħ kienet abbandunata minn Gvernijiet Nazzjonalisti, bi ftit jew xejn proġetti soċjali, sportivi, infrastrutturali u ta’ tisbieħ.

Dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu li din l-imbuttatura għandha ssaħħaħ lil Zrinzo Azzopardi fuq distrett li qatt ma kien kandidat fuqu u titfgħu fuq l-istess binarju ma’ dawk li jistgħu jkunu l-akbar kompetituri tiegħu. Jiġifieri l-Ministri Owen Bonnici u Chris Cardona, li flimkien ma’ Zrinzo Azzopardi f’Ġunju tas-sena l-oħra ‘tellqu’ għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-PL, b’Cardona jkun ir-rebbieħ.

Dawk li qed jappoġġjaw lil Zrinzo Azzopardi, speċjalment votanti miż-Żurrieq, l-akbar lokalità f’dan id-distrett u l-post minn fejn ġejjin kemm Karmenu Vella kif ukoll Marlene Farrugia, qalu ma’ din il-gazzetta li b’din il-mossa, fuq riġenerazzjoni tant bżonnjuża, Zrinzo Azzopardi se jkollu preżenza politika ħafna iktar qawwija.

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni għal Birżebbuġa kien imħabbar fl-aħħar baġit, meta l-Gvern kien esprima l-intenzjoni tiegħu li jiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet u residenti f’Birżebbuġa għar-riġenerazzjoni tal-lokalità. Flimkien ma’ dan, kien imħabbar ukoll li se jsir proġett simili ta’ riġenerazzjoni f’Marsaxlokk bħala kumpens ambjentali għall-proġett ta’ power station li taħdem bil-gass. Dak ta’ Marsaxlokk kien imħabbar is-sena l-oħra u se jkun qed jiswa €6 miljun.

Għall-Birżebbuġa, il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni li qed jitmexxa mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura mmexxi minn Joe Mizzi u l-Ministeru fl-Uffiċċju tal-PM immexxi minn Konrad Mizzi, ikompli ma’ diversi proġetti li bdew u li, jew waslu fi tmiemhom jew inkella għadhom fil-proċess li jitlestew. Dawn jinkludu l-piċċ tal-waterpolo, li kienu ilu abbandunat madwar 10 snin, l-ewwel grawnd tal-futbol wara sensiela ta’ talbiet li waqgħu fuq widnejn torox u t-tneħħija tat-tankijiet tal-gass l-antiki mill-Qajjenza. Apparti dan, il-Gvern għaddej ukoll bil-proċess biex imexxi d-depot li tinsab fil-qalba ta’ żona residenzjali, magħrufa bħala x-Shell lejn Ħas-Saptan.

S’issa diġà hemm 10 kandidati f’isem il-Partit Laburista

Fil-ħames Distrett, ma kienx il-Partit Nazzjonalista biss li tilef l-akbar suldati li kellu b’Louis Galea u Ninu Zammit, żewġ persuni li kienu jattiraw ħafna voti u li kellhom ċerta poter b’dan tal-aħħar imexxi l-Korporazzjoni tal-Ilma fost l-oħrajn, imma anke l-Partit Laburista.

Mill-2013, il-Partit Laburista tilef lil Karmenu Vella, li l-istess Gvern innomina għal Kummissarju Malti, u li kien ġab 5,231 vot. Marlene Farrugia, rreżenjat mill-PL u se tkun qed tikkontesta fuq l-istess distrett f’isem il-Partit Demokratiku. Fl-aħħar elezzjoni, Farrugia ġabet 2,525-il vot. Il-Ministru George Vella mhux mistenni jerġa’ jikkontesta, u fuq dan id-distrett, fl-2013 hu kien ġab 732 vot.

Biex jilqa’ għall-akbar vojt f’distrett wieħed biss, il-Partit Laburista diġà għandu lista ta’ 10 kandidati. Apparti Zrinzo Azzopardi, Bonnici u Cardona, il-Partit Laburista se jkollu lill-blogger u ħabib tal-Prim Minstru, Glenn Bedingfield, u lid-deputati Joseph Farrugia, Joe Sammut u Luciano Busuttil. Se jerġa’ jikkontesta wkoll is-sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja u s’issa jidher li huwa possibbli wkoll li mal-lista jkun hemm il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.

Sa issa, l-wiċċ politiku kompletament ġdid fil-lista tal-Partit Laburista fuq dan id-distrett huwa Roderick Cachia, sid ta’ negozju popolari, l-aktar f’Birżebbuġa.

Franco Debono u Jean Claude Micallef...jibqgħu l-akbar mistoqsijiet

Apparti l-lista ta’ persuni li dejjem kienu parti mill-PL, dan id-distrett jista’ jkollu sorpriżi oħrajn. Franco Debono, eks deputat tal-PN fuq dan id-distrett fl-2008, ilu jindika li ismu probabbilment se jingħaqad ma’ dawk imsemmijin f’dan l-artiklu. L-aħħar li tkellem mal-ILLUM dwar dan id-distrett, Debono sostna li mhu se jiddejjaq xejn imur jitlob il-fiduċja mingħand in-nies tal-lokalitajiet fuq dan id-distrett.

Min-naħa l-oħra, Jean Claude Micallef, b’rabtiet mill-qrib ma’ diversi f’lokalitajiet bħal Marsaxlokk u ż-Żejtun, għadu ma jixtieqx jitkellem dwar il-futur politiku tiegħu, anke jekk fil-fatt qata’ kull kuntatt minn mal-Partit Nazzjonalista u l-midja tiegħu. 

More in Politika