F’għeluq is-60 sena mit-Trattat ta’ Ruma
L-Ewropa tagħti leħen liċ-ċittadin
- 751 ċittadin Ewropew mistiedna jwasslu leħinhom fil-Parlament Ewropew
- L-aktar li qed jinkwieta ċ-ċittadin ewropew hu dwar kumpaniji kbar li jevitaw li jħallsu t-taxxi
- L-inqas li jinteressahom hu l-ambjent...kwart tal-kamra żvujtat waqt id-diskussjoni dwar il-klima u l-ambjent
minn John Busuttil minn Brussell
Fl-ewwel jum tar-rebbiegħa, il-Parlament Ewropew fetaħ il-bieb tiegħu għaċ-ċittadini Ewropej li kienu ġejjin minn diversi pajjiżi Ewropej. Ħasra biss li l-ebda ċittadin Malti ma ngħata siġġu parlamentari mis-751 siġġu li tqassmu. Minkejja dan, jibqa’ fatt li din l-esperjenza għaċ-ċittadin kienet idea sublimi f’għeluq is-60 anniversarju mit-trattat ta’ Ruma. Wieħed seta’ jinnota x’qed jolqot liċ-ċittadin Ewropew, x’qed jinkwetah, xi jrid mill-Ewropa.
Iċ-ċittadin Ewropew, speċjalment il-ħafna żgħażagħ li kienu preżenti, dehru mħassba ħafna fuq il-kumpaniji multi biljunarji li jaħarbu milli jħallsu t-taxxi b’xi mod jew ieħor, inkella l-gvernijiet partikolari jagħtuhom rati inqas meta mqabbla ma’ dak li jħallas iċ-ċittadin, ikunu qed iħallsu inqas mill-istess ħaddiema tagħhom. Ġenituri preżenti kienu mħassba ħafna dwar in-nuqqas ta’ xogħol li hemm jistenna lil uliedhom f’diversi pajjiżi Ewropej, anke wara li dawn ikunu ggradwaw. Skantani biss il-fatt li fl-aħħar sessjoni ta’ din is-seduta plenarja iżda fl-istess ħin simbolika, li kienet fuq is-suġġett ambjentali u l-enerġija nadifa, kwart tas-sala żvujtat. Jista’ jkun li l-ambjent ma jinteressax daqshekk lil poplu Ewropew, inkella għandhom prijoritajiet oħra. Inkella forsi telqu għax ħassew li semgħu biżżejjed u telqu ’l barra kwarta minn tmiem is-sessjoni.
L-Ewropa għandha bżonn il-kaċċaturi jekk trid li tikkonserva l-kampanja
Is-seduta ddiskutiet in-nuqqas ta’ xogħol għaż-żgħażagħ, il-globalizazzjoni, l-Ewropa ta’ 27 pajjiż (mingħajr l-Ingilterra) u l-futur tagħha, is-sigurtà f’dawn iż-żminijiet turbolenti u l-klima u l-enerġija nadifa. Fost dawk li ntagħżlu biex iwieġbu għall-mistoqsijiet taċ-ċittadini, kien hemm 10 membri Parlamentari Ewropej, fosthom il-Maltija Roberta Metsola li rrispondiet dwar is-sigurtà fl-Ewropa.
Is-siġġijiet Parlamentari kienu miżgħuda b’żgħażagħ li ftit ħabblu moħħhom biex jilbsu xi ġlekk jew ingravata, ċittadini adulti u diversi sindki Taljani li għażlu li jintgħarfu mis-‘sash’ bil-kuluri Taljani. Is-seduta bdiet b’introduzzjoni mużikali minn brass band Belġjana u b’diskors tajjeb ħafna mill-president tal-Parlament Ewropew, it-Taljan Antonio Tajani.
Il-president Tajani fid-diskors tiegħu qal li jridu jibdlu l-Ewropa għall-aħjar. “Mingħajr din l-Ewropa ma nistgħu mmorru mkien. Irridu ntejbuha iżda mhux inkissruha. U din is-seduta simbolika għamilnieha biex iċ-ċittadin jistaqsina li jrid. Għax hawn tista’ tikkkritika lid-deputati u tesprimi l-ideat li trid għax din hi d-Demokrazija. Din hi l-Ewropa tal-valuri u meta tmorru lura f’pajjiżkom irrakuntaw li din hi l-Ewropa tad-demokrazija.”
L-ewwel sessjoni kienet fuq ix-xogħol taż-żgħażagħ fejn ċittadina Irlandiża talbet lill-Ewropa biex taħdem għall-Ewropa rurali ħalli jkun hemm ix-xogħol fiż-żoni rurali. Spanjol qal li hu għandu żewġ ulied li qed jistudjaw fl-Università u ggradwati u dawn m’hemmx xogħol għalihom. Żagħżugħ Sqalli qal li f’żoni mwarrba fi Sqallija u ’l bogħod mill-ibliet m’hemmx xogħol u ż-żgħażagħ kollha qed jitilqu minn hemm għax ma baqax ħajja f’dawn iż-żoni. Hawnhekk qamet żagħżugħa Ġermaniża fejn talbet biex in-nisa jkollhom salarji daqs l-irġiel u hu fatt li f’pajjiżi Ewropej l-aktar li qed ibatu biex isibu x-xogħol huma n-nisa. “Irrid inwassal messaġġ lil dak il-Pollakk li qal kontra n-nisa f’dan il-Parlament li fiċ-ċess, ir-reġina hi l-unika biċċa li tista’ timxi fejn trid.”
Ngħid lill-MPE Pollakk li qal kontra n-nisa li fil-logħba taċ-ċess, il-figura li tista’ timxi kif trid u fejn trid hi r-reġina
L-introduzzjoni għall-globalizazzjoni ngħatat minn Natalia Alonso, il-kap tal-Oxfam fejn qalet li f’Ewropa fejn jgħixu 324 miljun li huma biljunarji, u 123 miljun li jgħixu fl-għatba tal-faqar li huma kwart mill-popolazzjoni Ewropea. Qalet li il-biljunarji għandhom iħallsu taxxi ġusti biex jikontribwixxu għal ġid komuni taċ-ċittadini. Student minn Antwerp qal li fil-Belġju hemm 50 kumpanija mill-aktar kbar li jħallsu biss 2% tat-taxxa tal-pajjiż. Is-sindku ta’ Abruzzo qal li ż-żona tagħhom hi meqruda mit-terremoti u problemi naturali. Xogħol m’hemmx, u ċ-ċittadini qed jitilqu mill-ibliet ta’ din iż-żona, “L-Ewropa hi l-omm tat-territorju li fih hemm ħwienet qed jgħalqu, qgħad enormi u ekonomija mifnija. Tridu tagħmlu iżjed għalina.” Il-membru Parlamentari Ewropew Caspary wieġeb li l-pajjiżi ma jistgħux jistennew kollox mill-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi nnifishom għandhom ukoll ir-responsabilità ta’ pajjiżhom.
Dwar l-Ewropa tal-futur tkellem żagħżugħ Ġermaniż ta’ 17-il sena, “Jien se nivvota l-ewwel darba u aħna l-aktar ġenerazzjoni importanti fl-Ewropa tal-lum. L-Unjoni Ewropea għandha tagħti importanza fl-edukazzjoni politika.” Żagħżugħa Ġermaniża qalet li l-Ewropa għandha tara li kulħadd jagħmel bħal pajjiżha li laqa’ r-refuġjati filwaqt li l-Polonja tħalliet ma taċċettax rifuġjati, “Irridu nuru li aħna Ewropa tal-paċi u solidarjetà.” Ċittadin Spanjol semma l-programmi Erasmus li skontu laqqgħu ma’ studenti minn pajjiżi oħra u għallmuh jgħix ma’ kulturi diversi, “xempju tajjeb ħafna għal demokrazija ġdida.”
Rajan Basra li hu gradwat fil-Kings’ College ta’ Londra fl-istudju internazzjonali tar-radikaliżmu fetaħ id-diskussjoni dwar is-sigurtà fejn qal li dan li qed naraw bħalissa fl-attaki terroristiċi mhumiex ġejjin f’isem ir-reliġjon, iżda minħabba l-fatt li l-kriminalità qed titħallat mat-terroriżmu. “Dawn it-taparsi ġellieda ta’ gwerra qaddisa qed ibigħu d-droga u jikkunsmawha.”
M’għandniex niġġieldu kontra t-terroriżmu iżda favur il-libertajiet tagħna
Ċittadin Ġermaniż qal, “jekk nissagrifikaw il-libertà taċ-ċittadin Ewropew nitilfu l-gwerra kontra t-terroriżmu.” Daniż qal li hemm bżonn ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi kollha Ewropej. “M’għandniex nibżgħu mit-terroriżmu, għandna nibżgħu għal-libertajiet tagħna. M’għandniex niġġieldu kontra t-terroriżmu iżda favur il-libertajiet tagħna.”
Nispera biss li ma tkunx l-ewwel u l-aħħar u ċ-ċittadini mhux biss jingħataw leħen iżda widna wkoll li jkun hemm min jismagħhom sew.