Edward Zammit Lewis u Rosianne Cutajar jelenkaw 'is-6 gideb ta' Simon Busuttil'...

Zammit Lewis u Cutajar sostnew li “Simon Busuttil huwa l-aktar politku li qatt daħal personalment fi skandlu ta’ donazzjonijiet illegali, u issa li nqabad l-unika arma li fadallu juża hija li jigdeb” .... u l-PN jirrispondi b'mistoqsijiet minn naħa tiegħu

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun, indirizzata mill-Ministru Edward Zammit Lewis u minn Rosianne Cutajar, intqal li “Simon Busuttil huwa l-aktar politku fl-istorja lokali li qatt daħal personalment fi skandlu ta’ donazzjonijiet illegali, u issa li nqabad l-unika arma li fadallu juża hija li jigdeb bl-aktar mod sfaċċat.”

Zammit Lewis elenka 6 gidbiet li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Huwa beda billi semma kif Busuttil kien qed jigdeb meta qal li huwa ma kien fil-but ta’ ħadd, għax kien huwa stess u ħadd iktar li mar għand in-negozjanti biex iħallsulu l-pagi. Ġie msemmi wkoll meta Busuttil qal lid-donazzjonijiet għall-pagi kienu flus maħmuġin u li kien se jirritornahom lura, iżda imbagħad ġimgħa wara qal li kien se jżommhom. Zammit Lewis sostna wkoll li Busuttil kompla jigdeb meta qal li l-PN ma rċeviex nofs miljun f’donazzjonijiet, meta mbagħad il-mezzi tax-xandir ħarġu kif tal-inqas irċieva mas-€600,000, kif ukoll gideb aktar meta qal li dawn id-donazzjonijiet kienu relazzjonijiet kummerċjali meta d-DB Group stess saħqu li ma jafux b’dawn ir-reklami u sfidawh jurihom.

“Busuttil gideb gidba li ġie mgiddeb fiha wkoll,” tenna Zammit Lewis, hekk kif spjega li Busuttil biss fil-Partit tiegħu, qal li kienu reklami, mbagħad Mario DeMarco qal li kienu donazzjonijiet, it-teżorier tal-PN qal li ma jafx bihom  u analizi tal-gazzetta KullĦadd ta’ aktar minn 11,000 paġna fin-Nazzjon u l-Mument ma nstabx reklam wieħed.

Bħala l-aħħar waħda mis-sitt gideb, Zammit Lewis semma meta Busuttil qal li ma kienx qed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, meta huwa kiser il-liġi f’tal-inqas 3 istanzi; li donazzjoni ta’ aktar minn €7,000 trid tkun dikjarata, li ma jistgħux jiġu aċċettati aktar minn €25,000 mill-istess sors fl-istess sena u li l-kumpaniji tal-Partiti huma wkoll suġġetti għall-istess liġi.

“Tħares minn fejn tħares, Simon Busuttil kiser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti bl-aktar mod sfaċċat,” stqarr il-Ministru tat-Turiżmu.

Minn naħa tagħha Rosianne Cutajar għamlet referenza għall-aħbar li ħarġet ilbieraħ li kien hemm it-tieni kumpanija, Healthcare Services, wara Sky Gourmet li fuqhom kienu qed joħorġu l-invoices foloz.

Cutajar irrimarkat kif il-Kap tal-Oppożizzjoni meta mistoqsi mill-ġurnalisti nhar il-Ġimgħa li għadda qal li l-Partit Nazzjonalista ma rċievix donazzjonijiet li jaqbżu n-nofs miljun, xi ħaġa li kienet imgiddba fil-gazzetti tal-Ħadd. “Hemmhekk toħroġ il-falsità u l-gideb ta’ Simon Busuttil,” saħqet Rosianne Cutajar.

Cutajar staqsiet lill-Kap tal-Oppożizzjoni jekk verament qed jibqa’ jgħid li dawn kienu reklami, avolja qed jgħid hekk hu biss, għalfejn ma jippubblikax l-invoices li ta lill-Sky Gourmet u Healthcare Services?. “Jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid li xi ħadd jemmnu għandu jissostanzja dak li jgħid billi jippubblika l-invoices mingħajr aktar telf ta’ żmien,” qalet Cutajar.

“Il-problema li għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni,” ssoktat tgħid Rosianne Cutajar, “hija li kulħadd f’Malta u Għawdex jaf li dawn iż-żewġ kumpaniji m’għandhomx għalfejn jagħmlu reklami għax is-servizzi li jagħtu huma b’xejn, ċioe l-ikel fuq l-AirMalta u l-ikel fl-ispartijiet.”

Intant, bi tweġiba għal dak li qalu Zammit Lewis u Cutajar, il-Partit Nazzjonalista irrisponda li  "huwa skandaluż kif biex jipprova jattakka lill-Oppożizzjoni, Muscat lest jaħli l-ħin, l-enerġija u l-ħin kollu li hemm bżonn. Mhux ta’ b’xejn li n-nies għajjew minn dan il-Gvern aggressiv u bla skrupli."

Ir-risposta maħruġa mill-PN kompliet tgħid li l-partit mhux se jbaxxi rasu għall-aggressività u għall-gideb ta’ Muscat u l-Ministri tiegħu. 

"Il-Partit Nazzjonalista diġà ta l-ispjega dettaljata tiegħu dwar l-istorja tad-donazzjonijiet, u l-evidenza turi li l-ebda donazzjoni ma għalqet ħalq il-PN. Anzi, bil-maqlub."

Il-PN sostna li biex Muscat jippontifika dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, għandu l-ewwel jobdiha hu stess. Mhux talli m’għamilx hekk, talli sa llum, qed jikser il-liġi fuq ħafna livelli: 

  • ma rreġistrax bħala partit, 
  • ma preżentax lista ta’ donazzjonijiet; 
  • jimpjega uffiċjali tal-partit u tas-Super One mal-Gvern; 

Ir-risposta tal- PN temmet tgħid li... "l-ikbar mistoqsija tibqa’, x’donazzjonijiet ħa Muscat u l-partit tiegħu biex jagħti artijiet bħall-ITS u ż-Żonqor?"

More in Politika