Brexit!
Ilbieraħ ma kienx il-jum meta bdiet tisfaxxa l-Unjoni Ewropea imma l-jum fejn l-Unjoni tissaħħaħ aktar għax ser isir ċar għal kulħadd l-effetti ta’ min joħroġ minnha...
minn Joe Ellis
Ilbieraħ, il-Prim Ministru tal-gvern tal-maestà tagħha r-Reġina kitbet ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk skont l-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona sabiex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE. B’hekk, il-Gvern Brittaniku se jirrispetta r-rieda tal-poplu Brittaniku li fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju li għadda vvota b’maġġoranza żgħira ta’ kważi 52% sabiex ir-Renju Unit jkun l-ewwel pajjiż li jabbanduna l-Unjoni Ewropea.
Din id-deċiżjoni għandha tittieħed fil-perspettiva storika tagħha. Ir-Renju Unit ilu membru tal-Unjoni Ewropea mill-1973 wara li Franza neħħiet il-veto tagħha. DeGaulle kien jemmen li l-poplu Ingliż hu kburi wisq biex jipparteċipa bis-sħiħ fil-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea. U ż-żmien jidher li tah raġun.
Ir-Renju Unit daħal fi żmien meta l-ekonomija tiegħu ma kienet xejn tajba, anzi kien magħruf bħala l-marid tal-Ewropa. Fl-aħħar tas-snin sittin, Franza, il-Ġermanja tal-Punent u l-Italja kienu jipproduċu aktar ras imb’ras u aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, id-differenza kienet dejjem tikber. Bejn l-1958 meta twaqqfet il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-1973 meta daħal ir-Renju Unit, il-Prodott Gross Domestiku f’dawn it-tliet pajjiżi żdied b’95% mentri fir-Renju Unit żdied biss b’50%. Wara li sar membru, ir-Renju Unit beda bil-mod il-mod javvanza fil-konfront tal-pajjiżi l-oħra: il-PGD ras imb ras kiber aktar minn dak tal-Italja, il-Ġermanja u Franza. Fl-2013, ir-Renju Unit sar aktar sinjur mill-medja tat-tliet ekonomiji kbar Ewropej għall-ewwel darba mill-1965.
DeGaulle kien jemmen li l-poplu Ingliż hu kburi wisq biex jipparteċipa bis-sħiħ fil-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea...u ż-żmien jidher li tah raġun
Il-maġġorparti tal-ekonomisti ftit għandhom dubju li d-dħul tar-Renju Unit fl-UE ttraduċa f’aktar kummerċ milli altrimenti kien ikun il-każ. Daniel Vernazza ta’ UniCredit wera li l-kummerċ mal-pajjiżi l-oħra tal-UE kiber aktar wara l-1973 milli mal-pajjiżi l-oħra tal-EFTA, li tiegħu r-Renju Unit kien membru qabel ma daħal fl-UE. Vernazza wera li l-armonizzazzjoni tar-regolamenti bħala riżultat tad-dħul fl-UE għen aktar sabiex jiżdied il-kummerċ milli t-tnaqqis tat-tariffi. Skont il-Professur Nick Crafts ta’ Warwick University, wieħed mill-aqwa storiċi ekonomiċi tar-Renju Unit, il-ftuħ tar-Renju Unit għall-kummerċ mal-kumplament tal-UE ppermettielu jerġa’ jiġi fuq saqajh wara li kien waqa’ lura. “Il-problema ferm kbira tar-Renju Unit fis-snin sittin kienet kompetizzjoni dgħajfa ħafna. Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ kienet fattur importanti sabiex titjieb il-kompetitizzjoni. Kumpaniji dgħajfa spiċċaw, il-management tjieb u r-relazzjoni industrijali tjiebu...ħafna aktar milli għamlet Thatcher.”
Il-Professur Nauro Campos ta’ Brunel University għamel stima ta’ kif ir-Renju Unit kienet tkampa kieku ma daħlitx fis-Suq Komuni li llum sar l-UE u s-suq waħdieni. Hu u l-kollegi tiegħu sabu li l-aħjar paragun tal-prestazzjoni ekonomika tar-Renju Unit hi ma’ taħlita ta’ New Zealand u l-Arġentina li bħar-Renju Unit waqgħu lura fil-konfront tal-Istati Uniti u l-Komunità Ekonomika Ewropea. Fl-erbgħin sena ta’ wara d-dħul fis-Suq Komuni, l-ekonomija tar-Renju Unit kibret aktar minn dik ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi bi 23%. Skont studji li saru, il-prestazzjoni tar-Renju Unit kienet aħjar mill-maġġorpartti ta’ elf kumbinazzjoni oħra ta’ pajjiżi li kienu fl-istess ilma bħar-Renju Unit qabel ma daħlet fis-Suq Komuni. Dawn l-istudji juru li l-aktar li żdied il-ġid kien dritt wara li r-Renju Unit daħal fis-snin sebgħin u meta tnieda s-suq waħdieni ta’ prodotti fl-1992 li ta bidu għal integrazzjoni akbar.
Hemm min jgħid li l-qawmien mill-ġdid tar-Renju Unit kien aktar dovut għar-riformi ta’ Thatcher milli għad-dħul fl-UE. Probabbilment, iż-żewġ fatturi ma eskludewx lil xulxin, anzi rrinforzaw lil xulxin. Wieħed irid isemmi li Thatcher kienet minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tas-suq waħdieni u huwa tassew ironiku li s-suċċessuri ta’ Edward Heath li daħħal lir-Renju Unit fis-Suq Komuni u ta’ Margaret Thatcher li nediet is-suq waħdieni qed imexxu r-Renju Unit fil-ħruġ tiegħu mill-UE.
Minkejja li r-Renju Unit stagħna kemm ilu membru tal-UE, ħafna min-nies ma assoċjawx dan il-ġid mal-UE. Forsi wkoll għax dan il-ġid ma tqassamx b’mod ġust mill-gvernijiet ta’ Westminster li aktar ma għadda ż-żmien, aktar ħadu ħsieb l-interessi ta’ min kellu l-aktar ġid fis-soċjetà. Anzi, parti sostanzjali tal-istampa tar-Renju Unit imbarkat fuq kruċjata bla waqfien ta’ propaganda kontra l-UE. Wieħed mill-protagonisti ta’ din il-kampanja kien dak li llum laħaq ministru tal-affarijiet barranin Ingliż, Boris Johnson. Bħala korrispondent tad-Daily Telegraph fi Brussell, kien spiss joħroġ bi stejjer li kienu jirridikolaw lill-Kummissjoni li spiss kienu mibnijin fuq nofs veritajiet. Fost dawn l-istejjer, wieħed ifakkar fl-istorja li l-Kummissjoni riedet tirregola l-qies tal-banana u li riedet tbiddel l-isem taċ-ċikkulata.
Bil-mod il-mod, aktar mal-pajjiż beda jistagħna u jattira immigranti mill-kumplament tal-UE u minn barra, l-appoġġ fir-Renju Unit sabiex il-pajjiż joħroġ mill-UE beda jikber. Fl-elezzjoni tal-2005 għall-kap tal-Partit Konservattiv, David Cameron irnexxielu jirbaħ lill-favorit David Davis (li ironikament reġa’ rxoxta politikament wara bosta snin fuq il-backbenches bil-ħatra tiegħu ta’ Segretarju tal-Istat għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE) bil-wegħda tiegħu li jniedi referendum jekk ir-Renju Unit għandhux jibqa’ membru jew le. Sakemm il-Partit Konservattiv baqa’ f’koalizzjoni mal-LiberalDemokratiċi, dan ir-referendum ma kienx possibbli. Imma meta l-Konservattivi rebħu l-maġġoranza fl-elezzjoni tal-2015 kontra l-istennija ta’ kulħadd, Cameron kellu bilfors iżomm il-wegħda tiegħu minħabba l-pressjoni dejjem tikber tal-UKIP u ta’ bosta mill-backbenchers tiegħu.
Il-kumplament hija storja riċenti: fil-kampanja tar-referendum, min kien favur li r-Renju Unit jibqa’ parti mill-UE ma weriex il-passjoni li wrew min ried li l-pajjiż joħroġ. Erba’ individwi kienu kritiċi għal dan ir-riżultat li ħafna ma kienux stennew imma li jiena ma ssorprendiniex wisq. Fl-ewwel lok, għandek lil David Cameron li bl-għażla xxellerata tiegħu ta lok lil kulħadd sabiex jesprimi l-frustrazzjoni tiegħu, ħafna drabi fuq affarijiet li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-UE. Fit-tieni lok, għandek lil Boris Johnson li mar lura minn kelmtu u sar wieħed mill-kelliema prinċipali tal-Leave campaign u taha kredibbiltà u momentum li qabel ma kellhiex minkejja li żgur kien jaf li din ma kinetx l-aħjar għażla għar-Renju Unit. Imbagħad għandek lil Theresa May u lill-kap tal-Partit Laburista, Jeremy Corbyn li minkejja li uffiċjalment kienu favur li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE, ipparteċipaw mill-anqas fil-kampanja. Fil-fond ta’ qalbhom, kienu favur li l-pajjiż joħroġ mill-UE imma qagħdu kwieti.
Dan jidher minn kif irreaġixxew wara r-referendum. May saret Prim Ministru u mhux biss trid li r-Renju Unit joħroġ mill-UE imma anke mis-suq waħdieni u mill-għaqda doganali minkejja li l-Leave campaign kien jgħid il-kontra. Corbyn ma qiegħed jagħmel oppożizzjoni ta’ xejn u effettivament, qed jissekonda l-gvern konservattiv f’dan il-għan bir-riżultat li l-Partit Laburista qiegħed jaffaċja katastrofi elettorali, speċjalment fil-bliet fejn is-sentiment favur l-UE huwa l-akbar.
Juncker il-ġimgħa li għaddiet stqarr li l-istorja mhux ser tkun ħanina mal-Prim Ministru li joħroġ lir-Renju Unit mill-UE. Ikolli ngħid li l-istorja mhux ser tkun ħanina ma’ dawn l-erba’ politiċi li poġġew il-karriera tagħhom qabel il-ġid tal-pajjiż. L-effetti ekonomiċi ta’ Brexit diġà bdew jinħassu u se jibdew jinħassu aktar u aktar mal-milja tas-snin. Hija kimera li pajjiż jaħseb li llum jista’ jmexxi waħdu mingħajr ħadd ma jindaħallu u anke r-Renju Unit, jew dak li ser jibqa’ minnu, ma jdumx ma jirrealizza kemm dan hu l-każ. Barra minn hekk, dak li se jiffranka l-pajjiż fi ħlas lil Brussell ser jiġi kkumpensat bl-ispejjeż ta’ settur pubbliku akbar li ser issa jibda jkollu jlaħħaq ma’ bosta funzjonijiet regulatorji li llum huma f’idejn il-Kummissjoni Ewropea.
Iż-żmien jagħtina parir imma Ilbieraħ ma kienx il-jum meta bdiet tisfaxxa l-Unjoni Ewropea imma l-jum fejn l-Unjoni tissaħħaħ aktar għax ser isir ċar għal kulħadd l-effetti ta’ min joħroġ minnha. Huwa l-jum ta’ bidu ġdid sabiex tinbena Ewropa aktar magħquda u effettiva, kapaċi li tegħleb l-isfidi komuni bħall-bdil tal-klima, it-terroriżmu u d-deklin ekonomiku li l-ebda pajjiż individwali mhu f’posizzjoni li jindirizza effettivament waħda. Hija tassew ħasra li l-elettorat Brittaniku m’apprezzax dan il-fatt imma l-Unjoni għandha għeruq sodi biżżejjed biex tegħleb anke din is-sitwazzjoni l-ġdida u tkompli għaddejja fuq dak li rnexxielha twettaq fl-aħħar sittin sena.