Busuttil iwiegħed rebħa Nazzjonalista lill-Ewropej...

Simon Busuttil wiegħed li se jagħti gvern EPP ġdid lill UE, permezz ta’ rebħa tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista Malti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss

Simon Busuttil flimkien ma' Angela Merkel fi triqtom għall-kungress tal-EPP
Simon Busuttil flimkien ma' Angela Merkel fi triqtom għall-kungress tal-EPP

Waqt il-kungress tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) li seħħ f’Malta llum, li fih tkellmu numru ta’ mexxejja ta’ pajjiżi Ewropej u MPE li jagħmlu parti minn dan il-Partit, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil wiegħed lill-membri tal-EPP preżenti għall-kungress li huwa se jagħti gvern EPP ġdid lill Unjoni Ewropea, permezz ta’ rebħa tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista Malti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Busuttil beda l-indirizz tiegħu fil-kungress billi tkellem dwar l-ittra li rrevokat artiklu 50, u li biha lbieraħ beda l-proċess sabiex r-Renju Unit joħroġ mill-UE. Huwa qal li dan huwa ħasra li turi kif ħafna ċittadini tal-unjoni, aktar qed jitkellmu fuq dan bħalissa, milli dwar il-valuri tajbin tal-UE.

Busuttil sostna kemm il-poplu Ewropew għandu bżonn l-UE, minħabba li din tirrapreżenta l-valur ta’ paċi, ugwaljanza, tolleranza u minħabba li pajjiżu, Malta, mar tant tajjeb minn meta dħalna fl-UE. Busuttil qal li anke peress li aktar minn 80% tal-Maltin huma kuntenti li pajjiżna membru tal-UE, huwa jħossu kburi minn dan.

“Brexit huwa r-riżultat tal-populiżmu," tenna Busuttil, "hekk kif il-populist, anke meta jgħid il-kuntrarju u jwiegħed dak li ma jistax iwettaq, jirnexxielu jdawwar lill-poplu għar-rieda tiegħu."

Busuttil spjega li fir-referendum ta’ Brexit, il-populist rebħu u wara r-rebħa ma kellhomx idea x’se jagħmlu wara. “Aħna dejjem urejna li kapaċi nagħtu risposti u soluzzjonijiet u nbiddlu l-aspirazzjonijiet tan-nies f’realtà,” qal Busuttil.

Busuttil qal li forsi n-nies qegħdin jaħsbu li “aħna mhux qed nisimgħuhom u dan iwassalhom biex iduru għall-partiti populisti.”

Dwar l-immigrazzjioni, Busuttil qal li n-nies jista' jkun li jinsabu diżappuntati li "ma kienx hawn biżżejjed Ewropa f’din is-sitwazzjoni u għaldaqstant ħafna jinsabu diżappuntati mid-deċiżjoniiet li qed jittieħdu f'dan ir-rigward mill-UE."

Busuttil staqsa “Kif tista’ l-Ewropa tkun hemm għan-nies u għal dak li jridu ?”

"Ir-risposta qegħda f’isimna stess," qal Busuttil, "Partit Popolari Ewropew, partit tal-poplu." Huwa qal li bħala EPP "dejjem għandna niftakru li aħna kemm partit tan-nies, kif ukoll wieħed Ewropew."

Busuttull temm jgħid li bħal ma sar 60 sena ilu waqt l-iffirmar tat-trattat tal-Unjoni Ewropea, li biddel l-Ewropa darba għal dejjem, l-EPP jrid jeġa' jkun aktar qrib il-poplu, biex iwettaq dak li huwa l-aħjar għalihom.

More in Politika