Fix-xhur li ġejjin mistenni jibda x-xogħol fuq monument tal-Arċisqof preżenti wara l-insistenza ta' familja mill-Isla li xtaqet tagħti unur lil dak li ssejjaħlu l-'eroj tal-knisja kattolika'. Il-familja li tixtieq tibqa' anonima, f'kuntatt ma' dan is-sit sostniet li tqis lill-Arċisqof Charles J Scicluna bħala 'eroj' minħabba li ma jibżax jgħidha kif iħossha u minħabba li reġa' ta vuċi lill-Knisja Kattolika.
Dan is-sit għandu f'idejh l-ewwel skizz (sketch) tal-monument li qed isir minn arkitett b'għeruqu fil-Kottonera. Għalissa l-arkitett ukoll jixtieq li jibqa' anonimu sakemm ikun varat ix-xogħol tiegħu għall-pubbliku nhar il-Ħadd li ġej fi Pjazza Gavino Gulia.
Il-familja Sengleana qalet illi tixtieq li l-Monument ikun fl-istess pjazza fejn hemm il-monument tal-Perit u l-eks PM Dom Mintoff. Il-familja għażlet dan il-post biex b'hekk tissimbolizza l-fejqan komplet u assolut mill-weġgħat tal-istorja. "Dan il-monument għandu jkun bħal kapitlu magħluq għal dawk kollha li għadhom mweġġgħin mill-passat, għax Malta l-ewwel u qabel kollox. L-eroj tal-Knisja Kattolika, ħdejn l-eroj tal-ħaddiema," temmet tgħid il-familja ma' dan is-sit.