Aġġornata | Schiavone: 'L-iskandlu tal-voti doppji jibda u jispiċċa ma' Muscat'

Il-Viċi Kap tal-PN isostni li hawn min għandu żewġ karti tal-identità u allura żewġ voti...

Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami flimkien mal-kandidat Herman Schiavone
Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami flimkien mal-kandidat Herman Schiavone

"Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici qed jigdbu meta jibqgħu jiddefendu l-kriżi li teżisti f’Identity Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ tal-karti tal-identità u d-dokumenti tal-voti." Dan stqarru l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami waqt konferenza illi matulha tratta 'l-iskandlu tal-voti doppji'. 

Fenech Adami saħaq illi minn riċerka li għamel il-PN, "hemm individwi li ngħataw żewġ karti tal-identità b’żewġ numri differenti, kif ukoll li hemm minnhom imniżżlin aktar minn darba fir-reġistru elettorali, u li jfisser li għandhom aktar minn vot wieħed fl-elezzjoni."

Beppe Fenech Adami rrefera wkoll għall-istqarrijiet tal-Ministru Owen Bonnici, li f’erba’ ċirkostanzi differenti, "għażel li flok jieħu l-passi neċessarji, abdika mir-responsabbiltajiet tiegħu ta’ Ministru, u minflok attakka lill-gazzetta li żvelat din il-kriżi. Fil-fatt, l-erba’ stqarrijiet maħruġa minn Owen Bonnici - fis-26 u s-27 ta’ Marzu, kif ukoll fit-2 u t-3 ta’ April, jattakkaw b’mod dirett lill-media, u dan sempliċiment għaliex żvelat dan l-iskandlu." Fenech Adami qal li dan huwa sintomatiku tal-Ministri tal-Gvern preżenti . 

 Id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone fakkar li dan mhux l-ewwel każ "jinten" li fih hemm involuta Identity Malta. Hawnhekk, hu rrefera għall-każ ta’ korruzzjoni li fih hemm involut l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut, li ttella’ l-Qorti akkużat b’korruzzjoni. "Dan minbarra l-iskandlu tal-visas lill-Alġerini kif ukoll il-permessi ta’ residenza lill-Libjani, li wkoll jinsabu fi sħaba ta’ korruzzjoni," sostna Schiavone. 

Hermann Schiavone sostna li dan "l-iskandlu beda u jispiċċa ma’ Joseph Muscat, għaliex kien hu li, fost l-ewwel deċiżjonijiet li ħa bħala Prim Ministru, kien li jwelled Identity Malta, li mill-ewwel ġranet tagħha tinsab mifniha f’korruzzjoni."  Hu fakkar li l-bniedem li jmexxi Identity Malta huwa kandidat tal-Partit Laburista u missier is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista (Joe Vella Bonnici) , filwaqt li sostna li "f’ebda demokrazija normali ma ssib li l-proċess tal-elezzjoni ġenerali jkun ikkontrollat minn kandidat ta’ partit politiku."

Fenech Adami u Schiavone kienu qed jirreaġixxu għal rapporti li dehru sal-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta The Malta Independent u li kienet intitolata 'l-kollass tas-sistema tal-ID cards', Fl-artiklu intqal u intwerew ritratti ta' karti tal-identità li kienu doppji, għalkemm l-ismijet kienu sfukati minħabba 'raġunijiet ta' privatezza'. L-istorja tgħid illi kien hemm tnejn minn nies li kellhom karta ta' identità doppja u li 'mhux magħruf kemm hi kbira l-problema.' 

Il-Gvern: 'Beppe qed jikkwota każijiet ta' barranin biex iħawwad l-imħuħ'

Intant fi stqarrija il-Gvern saħaq illi l-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami "qiegħed biss ikejjel b’xibru. Wara li tliet Imħallfin Emeriti kkonkludew li investigazzjoni tal-pulizija dwar ħasil ta’ flus u traffikar ta’ droga twaqqfet malli tfaċċa isem Fenech Adami, issa Beppe Fenech Adami stess qed jivvinta storja li ma teżistix. Il-Ministeru diġà ċaħad l-aħbar infondata għal kollox li dehret fuq gazzetta u li issa ġiet repetuta kelma b’kelma minn Beppe Fenech Adami. M’hemm l-ebda kriżi fis-sistema tal-ID cards u ma ttieħed l-ebda sample ta’ 300 ID cards, għalhekk mhuwiex minnu li nstab 80 żball f’dan is-sample," insista l-Gvern. 

"Is-sistema tal-ID cards tal-lum hi b’saħħitha u aħjar mis-sistema li kienet teżisti fi żmien gvern preċedenti - li ħalla l-ID cards kollha ta’ Malta u ta’ Għawdex jiskadu sena wara l-oħra." Il-Gvern kompla jsostni li kulħadd jaf li l-Maltin biss jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali "Persuni mhux Maltin ma jivvutawx u lanqas biss jingħataw ID card iżda dokument ta’ residenza. Għalhekk, meta Beppe Fenech Adami jikkwota każijiet ta’ barranin li lanqas biss ikollhom ID card, ikun qed jagħmel dan b’intenzjoni ċara li jħawwad l-imħuħ u jattakka l-kredibilità ta’ aġenzija li qed tagħmel xogħol tajjeb f’dan is-settur," itemm jgħid il-Gvern. 

 

 

 

More in Politika