It-team legali tal-Friends of Manoel Island għadu kemm skopra li dokument importanti b’rabta mal-kuntratt bejn il-MIDI u l-Gvern huwa nieqes mir-rekords Parlamentari.
Fil-minuti tas-6 ta’ Novembru tal-1999 hemm referenza għal dokument li, permezz ta’ bar chart, juri meta kellhom jitlestew ix-xogħlijiet f’Tigne Point u f’Manoel Island.
Iżda dan id-dokument ma jistax jinstab, la mal-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat u lanqas mal-minuti tas-sessjoni plenarja tal-Parlament li iddiskutiet il-kuntratt. Fil-minuti hemm imniżżel ukoll li x-xogħlijiet suppost tlestew sal-bidu tal-2010.
Kulħadd jista’ jara b’għajnejh li r-restawr u l-bini f’Manoel Island ma tlestiex. Dan minkejja li fil-kuntratt, li ġie iffirmat fis-sena 2000, hemm stabbiliti ż-żminijiet u l-fażijiet differenti li fihom kellhom jitlestew ix-xogħlijiet, u jistipula wkoll penali kbar fil-każ li dawn iż-żminijiet ma jiġux rispettati. Dan id-dokument nieqes jista’ jitfa’ iktar dawl fuq din il-kwistjoni. Aħna staqsejna lill-Ispeaker tal-Parlament sabiex jara fejn spiċċa dan id-dokument li, skont il-minuti tal-Kumitat tal-Verifika ta’ Novembru tal-1999, ġie mressaq quddiem il-Parlament. L-Ispeaker weġibna mill-ewwel u infurmana li din il-kwistjoni se tiġi investigata mill-Kumitat Parlamentari relevanti.