"Nhar it-22 ta’Marzu, ftit iktar minn ħmistax ilu, l-Parlament approva liġi dwar l- Istandards fil-Ħajja Pubblika. Bħala riżultat ewlieni ta’ dan, bi qbil ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari nistennew li matul il-ġimgħat li ġejjin jinħatar l-ewwel Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika."
Dan qalu Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, waqt konferenza għall-aħbarijiet fil-Belt Valletta, aktar kmieni dalgħodu.
“F’din il-konferenza stampa irridu nenfasizzaw li dan hu pass tajjeb riżultat ta’ eżerċizzju serju bejn Gvern u Oppożizzjoni biex tkun indirizzata l-etika fil-ħajja pubblika. Huwa prova ta’ kemm meta jridu, Gvern u Oppożizzjoni jistgħu jagħtu riżultati”, sostna Cacopardo.
“Kien f’dan l-ispirtu li Alternattiva Demokratika, iktar minn tliet snin ilu, pproponiet li dan il-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika kellu jkun responsabbli wkoll li jissorvelja l-finanzjament tal-partiti politiċi, flok il-Kummissjoni Elettorali. Għax filwaqt li fl-għażla ta’ dan il-Kummissarju se jsir sforz biex jinstab persuna ta’integrità aċċettabbli għal kulħadd, sfortunatament il-Kummissjoni Elettorali hi komposta minn persuni li fil-parti l-kbira tagħhom inħatru unikament fuq kriterji politiċi: erbgħa magħżula mill-Gvern, erbgħa mill-Oppożizzjoni u Chairman li jintagħżel mill-Gvern.”
Cacopardo spjega li f’dawn il-ġimgħat bdiet fil-fatt titħaddem il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-Kummissjoni Elettorali qed teżamina l-ewwel ilmenti dwar ksur tal-provedimenti tal-liġi. "Fil-fatt nhar it-Tnejn 17 ta’ April sotto-kumitat tal-Kummissjoni Elettorali se jibda jeżamina l-ilment li ppreżentat Alternattiva Demokratika dwar l-użu mill-grupp parlamentari tal-Partit Laburista tal-Palazz tal-Girgenti għal waħda mil-laqgħat tiegħu.”
Wieħed mill-ilmenti gravi li se teżamina l-Kummissjoni Elettorali hu dak dwar il-Partit Nazzjonalista. Dwar jekk użax il-kumpaniji kummerċjali tiegħu biex jaħbi donazzjonijiet politiċi li qed jingħad illi irċieva kontra l-liġi. Alternattiva Demokratika taqbel li din l-investigazzjoni għandha issir mill-iktar fis possibli, imma hi konxja illi l-Kummissjoni Elettorali mhix l-aħjar post fejn jittieħdu id-deċiżjonijiet dwar dan, kif ilna ngħidu sa mill-bidu nett li saret il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.
“Hi sfortuna li fit-tfassil tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, li ilna nistennew is-snin, il-Gvern webbes rasu u injora l-proposta li tinstab alternattiva għall-Kummissjoni Elettorali bħala l-awtorità regolatorja. Għax issa hu inevitabbli li dan id-difett fundamentali fil-liġi mhux biss ikun ikkontesta imma li bħala riżultat ta’ dan, il-liġi iddum ma titħaddem sewwa,” kompla jgħid Cacopardo.
Carmel Cacopardo temm jgħid li “Alternattiva Demokratika għal darba oħra tappella lill-Gvern, kif għamlet diversi drabi matul dawn l-aħħar tliet snin, biex il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi tkun emendata u li l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika jingħata l-inkarigu biex jimplimentaha.”