Strateġisti tal-PN imexxu l-istazzjon tal-Knisja

  • It-tifel ta’ Austin Gatt jinħatar Direttur tal-RTK Ltd.
  • Jinħatar ukoll l-eks strateġista tal-PN Lawrence Zammit
  • Imexxi kollox Anton Attard, maniġer tal-kampanja tal-PN fl-2008

L-elezzjoni riesqa u mhumiex biss il-politiċi li bdew jippreparaw għall-elezzjoni, imma anke l-Knisja u l-mezzi tax-xandir tagħha. Minkejja li din il-ġimgħa l-Arċisqof Charles J Scicluna għamilha ċara li hu se jżomm ’il bogħod mill-politika, sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li ċ-ċaqliq li qed iseħħ f’RTK Ltd, “ma tantx qed jawgura tajjeb għal stazzjon ta’ istituzzjoni suppost imparzjali.”

L-ILLUM tista’ tiżvela li bħala parti minn din ir-‘riforma’ fil-midja tal-Knisja, il-kumpanija RTK Ltd. ħatret lil iben l-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt, Gege Gatt, bħala Direttur kif ukoll lill-eks Ċermen tal-Airmalta u MaltaEnterprise u eks-membru tal-Grupp ta’ Strateġija tal-PN għall-elezzjoni tal-2008, Lawrence Zammit. 

Dokumenti li rat din il-gazzetta juru li kemm Gatt u anke Zammit kienu maħturin fl-ogħla karigi tal-media tal-Knisja fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-21 ta’ Diċembru 2016.

Gatt u Zammit, jingħaqdu fl-RTK mal-eks Kap ta’ Net TV, il-maniġer tal-kampanja tal-PN fl-2008 u l-eks Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard, li tqabbad biex imexxi l-konsulenza għar-riforma tal-media tal-Knisja. Fil-fatt, is-sorsi li tkellmu magħna qalu li kemm Gatt kif ukoll Zammit kienu l-għażla ta’ Attard.

Intant, fl-aħħar xhur ukoll reġġħet iddaħħlet lura Sylvana Debono, eks ġurnalista ta’ Radio 101 u eks impjegata tal-PBS fiż-żmien li Attard kien CEO.

Din ir-‘riforma’ qed tkun ippilotata minn Fr Joe Borg u għandha l-approvazzjoni tal-Arċisqof Scicluna.

Gege Gatt huwa avukat b’esperjenza fil-qasam tal-ICT u Direttur ukoll tal-kumpanija ICON. Hu jagħti pariri dwar materji relatati mal-Protezzjoni tad-data u l-użu ħażin tal-kompjuters. Gatt waqqaf ukoll kumpanija tar-Riżorsi Umani u Direttur EssDOCS.

Għal bosta xhur qabel l-aħħar elezzjoni kien qed jissemma bħala kandidat prospettiv tal-PN, hekk kif missieru, l-eks Ministru Austin Gatt kien ħabbar li se jirtira mill-politika, fil-qalba ta’ skandlu li heżżeż lill-Gvern Nazzjonalista u li fih kien implikat u wara l-kritika li kien qala’ fid-dawl tar-riforma ‘Arriva’ fit-trasport pubbliku. Gege Gatt iżda kien għamilha ċara li ma kellu ebda intenzjoni joħroġ għall-elezzjoni tal-2013 jew kull elezzjoni wara dik.

Intant Lawrence Zammit kien parti mill-grupp ta’ strateġija tal-PN fl-2008 liema fatt kien żvelat fil-Qorti f’każ ta’ libell kontra l-Editur Maniġerjali tal-Mediatoday Saviour Balzan. Kien Richard Cachia Caruana, membru tal-istess grupp ta’ strateġija, li fix-xhieda semma isem Zammit flimkien mal-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Joe Saliba, l-eks Assistent Personali tal-PM Lawrence Gonzi Edgar Galea Curmi, l-eks Deputat PM Tonio Borg, l-eks Segretarju tal-Informazzjoni tal-PN Gordon Pisani u f’xi okkażjonijiet, l-eks Editur tan-Nazzjon John Zammit.

 

Diżgwid iwassal għar-riżenja tal-Kap tal-Aħbarijiet

Dawn il-ħatriet u t-taqlib jiġu wara li l-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet Karl Wright irreżenja mill-istess stazzjon. Huwa mifhum li kien nuqqas ta’ qbil serju mad-direzzjoni li jidher li se jaqbad l-istazzjon, fi żmien politikament kruċjali, li wassal għar-riżenja ta’ Wright. Minkejja diversi attentati, din il-gazzetta ma setgħetx tistabilixxi kuntatt ma’ Wright, biex tistaqsih dwar ir-riżenja tiegħu.

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM sostnew li filwaqt li riforma minnha nnifisha hija pożittiva, “il-ħatriet li saru huma ta’ natura strateġika, ħatriet Nazzjonalisti fi stazzjon tal-Knisja.” Dawk li tkellmu magħna u li jafu l-kumpanija sew sostnew li l-ħatriet ma jħallu “ebda dubju fejn se jkun qed ixaqleb u l-aġenda ta’ min se jkun qed jimbotta l-istazzjon tal-Knisja, jew suppost tal-Knisja meta tasal l-elezzjoni.”

L-Arċisqof jassigura li se jkun viġilanti fuq il-kontenut tal-media tal-Knisja

L-Arċisqof Charles J Scicluna ppreveda li tali ismijiet jistgħu jqumu waqt il-programm Dissett, din il-ġimgħa għalkemm fil-fatt ma ssemma ħadd, u sostna li hu se jkun viġilanti. Filwaqt li qal li f’dan il-pajjiż kulħadd huwa ttimbrat ma’ naħa jew oħra, saħaq li hu jrid ikun ta’ “viġilanza.” Minkejja li l-Arċisqof huwa konxju tal-ħatriet, fil-programm Dissett hu xorta jgħid li “avżajthom li se jkun hemm ‘reality checks’” biex l-istazzjon ma jieħu ebda xejra politika. Fil-fatt, mingħajr referenza lejn ismijiet partikolari, l-Arċisqof qal ukoll li l-għażliet saru fuq bażi ta’ mertu u kapaċità.”

Waqt l-istess programm, l-Arċisqof għamilha ċara li l-Knisja mhux se tipparteċipa fil-kampanja elettorali “bl-ebda mod” ħlief biex tasserixxi t-tagħlim soċjali tagħha.

Intant, minbarra Gatt u Zammit, id-diretturi l-oħrajn ta’ RTK Ltd. huma Rose-Anne Abdilla, Dun Stefan Bonanno, Lino Casapinta u Edward Zammit. Bonanno kien iċ-chairman tal-kumanija Media Centre Ltd. li issa ġiet amalgamata ma’ RTK Ltd. bħala parti mir-riforma li qiegħda ssir. F’dan il-bord, kien hemm fost l-oħrajn, Dun René Camilleri u Dr. Robert Tufigno.

Il-bord ta’ diretturi preċedenti kien magħmul mill-istess Casapinta bħala chairman u Rose-Anne Abdilla, u magħhom, Dun Brandon Gatt, Dun Eddie Zammit u Kevin Papagiorkopulo.

More in Politika