‘Tajt l-assigurazzjoni li elezzjoni f’Marzu ma taffetwax il-V18’

Jason Micallef mhux se joħroġ għall-elezzjoni

Jason Micallef
Jason Micallef

L-għajdut li elezzjoni ġenerali se ssir din is-sena qam wara li numru ta’ artisti wrew tħassib li kampanja elettorali tista’ serjament ‘tfixkel’ l-avvenimenti tal-V18. Minkejja dan, possibbiltà ta’ elezzjoni ġenerali f’Marzu 2018 ma tantx jidher li qed tinwkieta liċ-chairman tal-Fondazzjoni V18 Jason Micallef. Mal-ILLUM, Micallef sostna li filwaqt li jifhem l-“inkwiet ġenwin” tal-artisti, hu kellu laqgħat magħhom bit-tema proprju tkun il-possibbiltà ta’ elezzjoni s-sena d-dieħla.

“Jien tajt l-assigurazzjoni li elezzjoni mhux se taffetwa l-avveniment tal-V18, ma ninsewx li l-attivitajiet isiru fuq medda ta’ 12-il xahar, mhux f’perjodu wieħed f’sena,” kompla jgħid Micallef mal-ILLUM.

L-ILLUM staqsiet lil Micallef jekk il-Fondazzjoni preparatx għall-eventwalità ta’ elezzjoni kmieni fl-2018, bir-risposta tkun fil-pożittiv. “Mela dażgur, preparajna għall-eventwalità ta’ elezzjoni f’Marzu anke jekk, nibqa’ nisħaq li effett mhux se jħalli u li kellu jkun id-destin li ried li fis-sena li matulha jkun hemm elezzjoni, il-belt Valletta tkun il-belt kapitali Ewropea tal-kultura.”

Micallef fakkar kif fl-20 ta’ Jannar ikun hemm il-ftuħ uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet li jwasslu għall-Valletta 2018 u sakemm ma jkunx hemm elezzjoni jew avveniment li jaħbat eżatt f’dik il-ġurnata, ftit li xejn jista’ jkun l-effett ta’ elezzjoni fuq il-Valletta 2018.

Intant Jason Miscallef, li kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista u kien ukoll kandidat tal-istess partit fl-aħħar elezzjoni fuq il-11-il distrett żvela li mhux se jkun qed joħroġ għall-elezzjoni li jmiss. Filwaqt li aċċerta li r-relazzjoni tiegħu mal-PL hija waħda ‘tajba ħafna’, anke bħala chairman tal-istazzjon One, sostna li l-ewwel prijorità bħalissa hija l-Belt Valletta. “Il-prijorità għalija hija Valletta 2018 u minkejja ċ-ċansijiet li jista’ jkun li għandi jekk noħroġ għall-elezzjoni ġenerali, kont inkun irresponsabbli hafna jekk f'din l-aħħar sena tant importanti għall-Belt Valletta nabbanduna kollox biex niffoka fuq il-kampanja elettorali tiegħi. Kien għalhekk li b'responsabbiltà ddecidejt li ma nikkontestax l-elezzjoni ġenerali li jmiss.”

Fost dawk li wrew tħassib għal elezzjoni f’Marzu kien hemm Sean Buhagiar, id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta. Buhagiar kien ammetta li anke jekk ikun hemm elezzjoni, l-artisti xorta jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunità, “idealment imma ma jkunx hemm elezzjoni għax imbagħad wara elezzjoni jinbidlu l-Minstri, tbiddel il-bordijiet, ikollok ħafna laqgħat u ħafna ħin u flus...”

(Intant il-Ħadd li ġej l-ILLUM se tkompli ssegwi l-iżviluppi għas-sena d-dieħla meta l-Belt Valletta se tkun il-belt kapitali Ewropea tal-kultura) 

More in Politika