
Dehra ġdida għad-dokument tal-vot
Id-dokument tal-vot, li mdorrijin narawh miksi bil-plastik, mistenni jinbidel, u fost l-oħrajn ikun iktar sigur.

More in Politika
Id-dokument tal-vot, li mdorrijin narawh miksi bil-plastik, mistenni jinbidel, u fost l-oħrajn ikun iktar sigur.
Id-dehra tad-dokument tal-vot li l-votanti jirċievu qabel l-elezzjoni se tkun qed tinbidel mill-mod tradizzjonali. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu kif din se tkun waħda minn fost numru ta’ bidliet tekniċi fil-proċess tal-votazzjoni, mill-Kummissjoni Elettorali. Id-dokument tal-vot, li mdorrijin narawh miksi bil-plastik, mistenni jinbidel, u fost l-oħrajn ikun iktar sigur.
Daqshekk ivvutajt wara l-purtiera
Il-kabini tal-vot li mdorrijin nivvutaw fihom fil-klassijiet, li ġeneralment ikunu tal-injam u bil-purtiera warajhom, b’numru ta’ struzzjonijiet imwaħħlin magħhom, ukoll mistennija jinbidlu. Fil-fatt, post dawn il-kabini tal-injam se jittieħed minn kaxxi oħrajn magħluqa iżgħar impoġġija fuq imwejjed fil-klassi jew post tal-votazzjoni, bl-istruzzjonijiet stampati fuqhom. Dan m’għandux inaqqas il-privatezza waqt li wieħed ikun qed jivvota minħabba li din il-kaxxa għandha tkun magħluqa.
Il-metodu ta’ kif il-kap tal-post tal-votazzjoni jibgħat l-informazzjoni dwar kemm ivvutaw persuni sa ħinijiet partikolari matul il-ġurnata wkoll se jiġi faċilitat. Din l-informazzjoni mbagħad tintuża mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jinħarġu listi uffiċjali ta’ kif kien it-turn out għal dik l-elezzjoni sa ħinijiet partikolari, ġeneralment fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar u l-għaxra ta’ fil-għaxija, ma’ tmiem il-votazzjoni. Mistennija, li għall-elezzjoni li ġejja, kemm jekk issir f’Novembru li ġej jew inkella fl-2018, ikun hemm app apposta sabiex il-kap tal-post tal-votazzjoni jibgħat l-informazzjoni mitluba f’ħinijiet partikolari. Minħabba l-faċilità tal-mod kif tingħata l-informazzjoni, mhux eskluż lanqas li dawn il-listi jiżdiedu fil-frekwenza tagħhom u jinħarġu b’mod iktar spiss.
Bidla oħra li l-votanti mistennija jaraw fil-kmamar tal-vot f’jum l-elezzjoni huwa l-uċuh tal-kandidati esposti għall-benefiċċju tal-votanti. Minflok dawn ikunu mwaħħla mal-ħajt b’mod alfabetiku u skont il-partit li ħerġin minnhom bħala ritratti, dawn se jkunu qed jitwaħħlu bħala poster wieħed maħruġ direttament mill-Kummissjoni Elettorali.