Julia Farrugia tingħaqad fil-ġirja għall-voti fil-ħames distrett

Julia Farrugia se tingħaqad f’dik li hija l-ġirja għall-voti ‘Laburisti’ fil-Ħames Distrett...

L-eks-editur ta’ din il-gazzetta Julia Farrugia se tingħaqad f’dik li hija l-ġirja għall-voti ‘Laburisti’ fil-Ħames Distrett, fejn b’kollox hemm madwar 8,500 vot, li fl-2013 kienu vvutaw lil kandidati tal-Partit Laburista li issa jew mhux se jkunu fuq il-lista, jew mhux se jkunu fuq il-lista mal-PL. Fil-fatt, f’dan id-distrett, mhux se jkun hemm fil-lista ta’ kandidati Laburisti Karmenu Vella, li fl-2013 kien kiseb 5,231-il vot u Marlene Farrugia b’2,525-il vot, għaliex Farrugia se tkun fuq il-lista ta’ kandidati Nazzjonalisti.

Il-familja ta’ Julia Farrugia, li tgħix il-Qrendi, b’mod speċjali missierha huma magħrufin li huma qrib ħafna ta’ Karmenu Vella, li kien iġib ħafna mill-voti tiegħu fuq dan id-distrett miż-Żurrieq.

Farrugia, apparti li kienet editur tal-gazzetta ILLUM, kellha preżenza qawwija fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, ONE.

Mitluba għal kumment, Farrugia qalet li l-Prim Ministru kien talabha disa’ darbiet biex toħroġ għall-elezzjoni. “Jiena, min-naħa tiegħi dejjem eskludejt il-possibbiltà, imma din id-darba ħadt id-deċiżjoni li noħroġ u rrid ngħid li ninsab verament kuntenta bl-appoġġ li qed nirċievi minn bosta kostitwenti.”

Il-kandidatura ta’ Julia Farrugia, tista’ titqies ukoll bħala r-risposta tal-Partit Laburista għall-kandidata Nazzjonalista Marlene Farrugia, li għadha kif daħlet f’koalizzjoni mal-PN, anke jekk tali koalizzjoni u t-termini tagħha għadhom mhux ċari. Fil-fatt, s’issa, Farrugia hija l-unika mara fil-lista pjuttost twila ta’ kandidati Laburisti li ħerġin fuq dan id-distrett.

Kien is-sit illum.com.mt li l-ewwel żvela l-lista ta’ kandidati Laburisti fuq dan id-distrett. Jiddominaw hemm it-tliet kontestanti għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-PL lura f’Ġunju tas-sena l-oħra, Chris Cardona, Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi. Dwar dan tal-aħħar, din il-gazzetta żvelat ukoll kif se jkun qed imexxi proċess ta’ konsultazzjoni fiż-żmien li ġej f’isem il-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) għall-proġett ta’ riġenerazzjoni f’Birżebbuġa.

Apparti dan, Farrugia se tkun qed tħabbatha wkoll ma’ Glenn Bedingfield, id-Deputat Joe Sammut, id-Deputat Joseph Farrugia, is-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja, id-Deputat Luciano Busuttil, l-Ministru Edward Scicluna u l-imprenditur Roderick Cachia. Din il-gazzetta kienet indikat ukoll li l-avukat u eks-Deputat Nazzjonalista Franco Debono se jkun kandidat fuq dan id-distrett. Fil-fatt, mal-ILLUM kien sostna li “żgur li m’iniex se niddejjaq nissottometti ruħi għall-ġudizzju tal-elettorat fi żmien sena u fiduċjuż li f’dak il-każ, il-ġudizzju mhux biss ikun pożittiv iżda jippermettili nkompli naħdem aktar u nkun ta’ servizz għall-poplu u l-pajjiż.”

More in Politika