
Quddiem u wara l-kwinti
Esperjenza personali tal-informal meeting tal-EPSCO f’Malta
minn John Busuttil minn Brussell

Kelli l-okkazzjoni li nsegwi mill-viċin tim li jaħdem f’Dar Malta matul il-presidenza li jorganizza ’l hekk imsejjaħ informal meeting tal-ministri f’Malta. Iċ-ċirkostanzi wassluni biex insegwi lit-tim tal-EPSCO. Jiġifieri lit-tim li jsegwi lill-Ministri Helena Dalli, Michael Farrugia u Evarist Bartolo.
Importanti li qabel nibda nikteb dwar l-esperjenza personali tiegħi f’dan il-qasam, naqsam magħkom ukoll ftit informazzjoni dwar xi tfisser eżatt EPSCO u x’inhi eżatt.
Xi tfisser EPSCO?
Employment, Social Policy, Health and Consumer Affairs Council (EPSCO) huma l-kliem eżatt għal dan it-titlu. Il-Kunsill tal-EPSCO jaħdem biex iżid il-livelli ta’ xogħlijiet fl-Ewropa u jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ ħajja u tax-xogħol fejn jiżgura livell għoli ta’ saħħa u protezzjoni lill-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea. Dan il-kunsill jaħdem billi jlaqqa’ lill-Ministri responsabbli fix-xogħol, affarijiet soċjali u politika għal konsumaturi mill-istati membri flimkien mal-Kummissarji Ewropej li għandhom x’jaqsmu mas-suġġett. Normalment, ikun hemm erba’ laqgħat fis-sena bi tnejn minnhom ikunu esklussivament dwar ix-xogħol u l-politika soċjali. Dawn jissejħu l-laqgħat formali li jkunu tal-kunsill.
F’dan il-qasam tax-xogħol u l-politika soċjali, il-Kunsill hu responsabbli biex jagħti direzzjoni lill-istati membri dwar ix-xogħol li għandu jinħoloq kull sena. Jadotta wkoll leġiżlazzjoni flimkien mal-Parlament Ewropew biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza tal-ġeneru. Il-Kunsill jieħu ħsieb li jipproteġi s-saħħa tal-konsumatur u anke l-interessi ekonomiċi tagħhom.
Taħt il-presidenza ta’ Malta qed jiġu preparati konklużjonijiet biex jippromwovu inizjattivi biex dawk li m’għandhomx xogħol, jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-presidenza qed taħdem ukoll biex tipproteġi lill-ħaddiema minn xogħol relatat li jista’ jikkawża l-kanċer. Malta għamlet bħala prijorità wkoll il-ġlieda kontra l-obeżità fit-tfal.
Il-laqgħa informali tal-EPSCO f’Malta
Minbarra dawn il-laqgħat formali tal-Kunsill, jiġu organizzati żewġ laqgħat oħra hekk imsejħa informali fejn għalihom jattendu 204 delegati, bil-ministri minn kull pajjiż Ewropew preżenti wkoll.
Din il-ġimgħa kien imiss dak tal-EPSCO, fejn il-ministri ta’ kull pajjiż kienu akkumpanjati bl-attaches u delegati mill-pajjiżi rispettivi. Anke l-ministri Maltin kienu akkumpanjati mit-tim ta’ attaches u delegati tagħhom li jkunu ilhom xhur sħaħ jaħdmu u jlestu d-dossiers tagħhom fi Brussell biex jiġu diskussi f’dawn il-laqgħat. F’dawn il-laqgħat jiġu diskussi suġġetti topiċi li huma sinifikanti u ’l fuq sew fuq l-aġenda (aktar milli dossiers leġiżlattivi li normalment ikunu diskussi fil-laqgħat formali tal-kunsill). Fil-fatt f’dawn il-laqgħat, sew il-ministri li jkunu qed jieħdu sehem kif ukoll l-attaches u d-delegati li jakkumpanjawhom jittieħdu żjajjar kulturali mal-pajjiżi li jiltaqgħu fihom (li jkunu qed imexxu l-presidenza) u għalhekk ikunu jistgħu jiddiskutu l-istess suġġetti b’mod aktar komdu filwaqt li jaraw l-istati li jżuru kif ikunu mexjin mill-viċin.

Il-Ministru Helena Dalli li hi responsabbli mid-djalogu soċjali, l-affarijiet tal-konsumatur u l-libertajiet ċivili, flimkien mal-Ministru Evarist Bartolo, il-ministru responsabbli mix-xogħol u l-Ministru Michael Farrugia li hu responsabbli mill-familja u s-solidarjetà soċjali kienu qed jirrapreżentaw lil Malta.
Għal din il-laqgħa informali tal-EPSCO kien hemm preżenti t-tim li jaħdem fi Brussell dwar din il-politika meta għal xhur sħaħ qabel, dawn iltaqgħu mal-attaches kollha li ġew Malta għal din il-laqgħa u ħejjew ħafna mid-diskussjonijiet u dossiers mill-pajjiżi differenti biex jiġu diskussi mill-ministri tagħhom.

Fil-fatt, l-attaches jassistu l-ministri tagħhom fid-diskussjonijiet u jipprovdu dak li jkunu ġabru flkimkien mat-timijiet tagħhom fil-working parties li jsiru kontinwament fi Brussell matul ix-xhur fid-dokumenti tal-ministri. Huma jaġixxu wkoll bħala pont bejn it-timijiet tal-loġistika u d-delegazzjonijiet.
Għall-attache trip, iż-żewġ attaches Lorenzo Vella u Antonella Gatt flimkien mas-senior policy officers Terence Sacco, Daniela Sabino u Jessica Sevasta ħadmu id f’id mal-ministeri rispettivi u mat-timijiet tal-loġistika biex ippreperaw programm mill-aqwa li kien jinkludi żjajjar kulturali fejn ittieħdu l-Belt Valletta u l-Imdina, l-akkomodazzjoni fil-lukandi, trasport u ikliet f’postijiet li affaxinaw mhux ftit lil dawk mistiedna mhux biss bl-ikel offrut iżda bl-ambjent storiku li ġew organizzati fihom.

Il-Gala Dinner kien organizzat f’Dar il-Mediterran, ċena oħra f’Sant Anġlu u l-aħħar pranzu kien organizzat il-Belt fil-mużew ‘state of the art’ tal-Fortifications Interpretation Centre. Interessanti kien li l-44 delegat li kienu preżenti setgħu mhux biss iduqu l-kċina Maltija iżda wkoll x-xenarju mill-isbaħ li dawn il-postijiet setgħu joffru tal-port Malti u tal-Belt Valletta.

Fl-aħħar ġurnata, dawn ittieħdu dawra kulturali mal-Imdina fejn komplew jissaħħru bl-istorja rikka ta’ din il-gżira tagħna, iżda kien hemm ukoll min ilmenta li hi ħasra li fl-Imdina jidħlu tant karozzi u l-pjazza tal-Kattidral kienet imdawra bil-parkeġġ, tant li ma setgħux jieħdu ritratt quddiem il-kattidral maestuż tal-Imdina. Iżda apparti dan l-ilment li wasal ukoll minħabba l-fatt li dak il-ħin li kienu hemm, kien hemm id-dħul tal-vannijiet li jqassmu x-xorb u l-merċa tagħhom, l-attaches kollha ħadu interess f’dak kollu li kienu qed jesperjenza u bdew jistaqsu lill-gwida diversi mistoqsijiet dwar l-istorja ta’ din il-belt.
L-attaches barranin ingħataw ftit ħin għal tazza kafè u xi pasta u oħrajn segwew lili s’għand is-serkin fejn kien hemm min daq il-pastizz Malti u ħafna minnhom xtraw dawk il-pasti Maltin li jkunu mimlija bil-lewż morr u kważi kollha ħarġu bil-boroż tal-plastik mimlijin bil-pasti Maltin mingħand is-Serkin.
Wara l-pranzu mill-isbaħ fejn ingħataw pakkett b’ingravata lill-irġiel jew ‘scarf’ lin-nisa flimkien ma’ flixkun bis-salib ta’ Malta u biż-żejt taż-żebbuġa ta’ Malta kollha rħewlha lejn l-ajruport biex jirritornaw lejn pajjiżhom wara tlett ijiem fil-gżira tagħna.
Kien mument sabiħ li tara lil dawn il-barranin jsellmu lit-tim Malti b’ħafna tgħanniq u jirringrazzjawhom taż-żjara mill-isbaħ li kellhom f’pajjiżna. Il-kliem ta’ tifħir lejn pajjiżna kien wieħed bla qies għalkemm kollha semmew li xtaqu li kellhom imqar ġurnata oħra għax kollha xtaqu jżuru l-gżira ta’ Għawdex.
Insomma skuża tajba biex darb’oħra jaqtgħu biljett biex jiġu vaganza f’Malta u Għawdex. Bla dubju li dan l-attache trip laħaq l-għan tiegħu li jibni relazzjoni qawwija bejn l-attaches kollha mill-pajjiżi Ewropej li finalment, żgur li se jiffaċilita n-negozjati li se jkomplu għaddejjin f’dawn ix-xhur li ġejjin mal-Kunsill. Jekk dan hu l-għan tal-attaches u tat-timijiet tagħhom għal dawn l-informal meetings, mela l-għan intlaħaq żgur.
Nota: Bħall-EPSCO, hemm ħafna dipartimenti oħra li jagħmlu l-istess bħal dak li qed insemmi, iżda jien segwejt l-‘attache trip’ tal-EPSCO u xtaqt naqsam din l-esperjenza magħkom biex b’hekk wieħed jifhem li wara kull avveniment fil-presidenza hemm tim sħiħ jaħdem u li jkun ilu jaħdem minn ħafna xhur qabel.