'Din ġennata kbira' - Deputati tal-PN dwar il-koalizzjoni ma' Marlene

Id-Deputati Nazzjonalisti, inkluż Beppe Fenech Adami u Mario De Marco saru jafu bil-koalizzjoni minn fuq facebook

Numru ta’ Deputati Nazzjonalisti jinsabu urtati ferm dwar kif sar il-qbil ta’ koalizzjoni mal-eks deputata Laburista, u aktar tard kap tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, hekk kif ħafna minnhom, inkluż iż-żewġ Viċi Kapijiet, Beppe Fenech Adami u Mario De Marco saru jafu bil-“ftehim” minn fuq il-media soċjali.

Numru ta’ Deputati li tkellmu mal-MaltaToday esprimew ir-rabja tagħhom dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni magħhom u ddeskrivew il-ftehim ma’ Marlene Farrugia bħala “ġennata kbira”.

In-negozjati ma kinux sigrieti, hekk kif membri miż-żewġ partiti u anke l-media kienu jafu li qed isiru taħdidiet dwar possibiltà ta’ koalizzjoni, iżda s-sorpriża tad-deputati kienet dwar il-mod kif saru n-negozjati u, aktar u aktar dwar il-mod kif tħabbar il-ftehim, fuq il-paġna personali ta’ facebook ta’ Marlene Farrugia.

Lanqas iż-żewġ viċi kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u Beppe Fenech Adami ma kienu nvoluti waqt il-ftehim mal-PD, li Farrugia stess iddeskriviet bħala “informali”

Mal-MaltaToday, De Marco qal li kien jaf bin-negozjati iżda ma kienx direttament involut fihom. Fenech Adami sostna l-istess, li huwa kien jaf bin-negozjati, iżda li m’attendiex għall-ebda laqgħa dwarhom.

Iż-żewġ viċi kapijiet saħqu li ma jafux jekk Farrugia talbitx jew imponietx xi ħaġa waqt il-ftehim. Fenech Adami żied jgħid ukoll li “r-relazzjoni għadha qed tiżviluppa u l-kundizzjoniet għadhom iridu jiġu ċċarati.”

L-unika kundizzjoni li kien jaf biha Mario De Marco kienet li l-PN kien ċert li jrid l-kandidati tal-Partit Demokratiku jikkontestaw l-elezzjoni fuq il-lista tal-kandidati tal-PN.

Marlene Farrugia infatti kkonfermat li ż-żewġ viċi kapijiet ma kinux preżenti għall-laqgħat li saru bejn il-PN u l-PD, u żieded tgħid li l-maġġoranza tal-laqgħat kienu ta’ natura “informali” bejna u bejn Simon Busuttil biss.

Id-deċiżjoni singolari ta’ Busuttil, li jħalli lil Farrugia u l-membri tal-PD jikkontestaw l-elezzjoni bħala kandidati Nazzjonalista, ma ntlaqatx tajjeb fost id-deputati Nazzjonalisti l-oħra u ħalliet effetti fuq il-partit kollhu.

Id-deputati li tkellmu mal-MaltaToday infatti sostnew li tal-inqas id-deċiżjoni kellha tiġi diskussa bejn il-grupp parlamentari tal-PN, u mhux id-deputati jsiru jafu b’din id-deċiżjoni minn fuq il-media soċjali.

Deputat partikolari sostna li “dan il-fatt irrabja lil ħafna deputati, speċjalment dawk li se jkunu qed jikkontestaw fl-istess distrett ma’ Marlene Farrugia.” Id-distretti li fihom se toħroġ Marlene Farrugia, hemm possibiltà li jkunu t-tieni u l-ħames wieħed.

Farrugia ġiet ikkritikata minn deputati Nazzjonalisti oħrajn bħala “waħda li minn mal-PN marret mal-Labour u issa trid terġa’ tikkontesta magħna, mingħajr dubju li jekk tiġi eletta iddur kontra l-PN ukoll.” Deputati oħrajn sostnew li b’dan il-ftehim ma’ Farrugia, “il-partit wera li ma tgħallimx mill-konsegwenzi li ħalla Franco Debono fuq il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.”

More in Politika