Manwel Mifsud: Fil-media tal-Knisja qed issir 'straġi'
- Eks-preżentatur tal-istazzjon tal-Knisja jitlob għal apoloġija pubblika wara 'attakk' mill-Arċisqof Charles J Scicluna
- Issejjaħ ‘insensittiva’ d-direzzjoni l-ġdida ta’ Scicluna fl-RTK
- Nippubblikaw l-ittra iebsa ta' Mifsud mibgħuta lil dan is-sit
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Professur Universitarju Manwel Mifsud, li għal 13-il sena sħaħ kien jippreżenta l-programm Seħer il-Malti fuq l-istazzjon tal-Knisja, fetaħ il-kanuni kollha fuq l-Arċisqof Charles J Scicluna. F’ittra miftuħa, pjuttost iebsa, li bagħat lil din il-gazzetta, Mifsud qal illi d-direzzjoni “l-ġdida tal-RTK bħalissa hija maħkuma minn paniku kbir.” Hu jkompli jipponta subgħajh lejn it-tibdiliet li qed isiru fil-media tal-knisja u jgħid li l-istess “paniku” huwa “riżultat tal-istraġi li qed issir fih.”
L-ittra ta’ Mifsud, tiġi wara dak li żvelat din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, jiġifieri kif fl-aħħar laqgħa ġenerali annwali tal-kumpanija li tmexxi l-midja tal-Knisja kienu maħturin bħala diretturi, it-tifel tal-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt, Ġeġe Gatt u l-eks strateġista tal-PN fl-elezzjoni tal-2008 Lawrence Zammit.
Imexxi din ir-riforma approvata mill-Arċisqof Charles J Scicluna u ppilotata minn Fr Joe Borg, hemm l-eks maniġer tal-kampanja elettorali tal-PN u eks CEO tal-PBS Anton Attard, li ftit wara li ngħata l-ħatra daħħal lura fl-RTK lill-eks-ġurnalista tar-radju tal-PN Sylvana Debono.
Il-Kap tal-Aħabarijiet tal-istess stazzjon Karl Wright irreżenja wara dak li huwa mifhum li hu nuqqas ta’ qbil serju mad-direzzjoni li qabad l-istazzjon tal-Knisja Maltija, f’dan iż-żmien politikament kruċjali.
Minkejja li, għall-ewwel, il-programm tal-Professur tal-Malti kien imċaqlaq għal ħin ieħor kien hemm nuqqas ta’ qbil, sakemm finalment il-programm in kwistjoni tneħħa mill-iskeda. Dan wassal biex waqt il-programm Dissett tal-ġimgħa l-oħra l-Arċisqof akkuża lill-Professur Mifsud li biddel l-aħħar programm f’gerger party’ u sostna li dan l-aġir mhux denju ta' Professur tal-Università.
Minkejja li Mifsud ma ssemmiex b’ismu fl-istess programm, fl-ittra huwa jgħid li ma jsibx diffikultà li jistqarr li Scicluna kien qed jirreferi għalih.
Jidher illi din ir-reazzjoni ma’ niżlet tajjeb xejn ma’ Mifsud li qal illi l-Arċisqof dakinhar “għoġbu jinfexx f’attakk personali.” Fl-ittra li bagħat lil dan is-sit Mifsud jistaqsi; “B’liema arroganza u rresponsabilità tasal biex ixxerred din il-malafama fuqi, li ma tafnix, u takkużani bla provi bi mġieba mhix denja ta’ professur universitarju u b’hekk tagħmilli ħsara professjonali? Jaqgħu meta xi ħadd ma jaqbilx miegħek, kull mezz u kull arma f’daqqa jsiru ġustifikati?”
Mifsud kompla jgħid li minkejja li huwa kien serva lill-istess radju tal-Knisja, “l-uniku ringrazzjament li rċevejt mingħandek bħala impjegatur tiegħi kien dan l-attakk vjolenti fuqi.”
Il-Professur Misfud temm l-ittra lill-Arċisqof Scicluna billi qal li “ta’ din l-imġiba irresponsabbli u indenja qed nistenna...apoloġija pubblika daqs l-offiża li għamilli, għax id-dinjità ta’ kulħadd hija għażiża...jekk l-Arċisqof għandu dik l-umiltà u l-onestà li dejjem jitkellem fuqhom m’għandux isibha diffiċli biex isewwi l-ħsara pubblika li għamel lili”
Din hija l-ittra kollha ta' Mifsud:
Ittra miftuħa lill-Arċisqof Charles J Scicluna
Mill-Professur Manwel Mifsud
Filwaqt li m’hemmx dubju li huwa pożittiv li l-ogħla personalitajiet tal-pajjiż, fosthom tal-Knisja, jindirizzaw lill-pubbliku f’fora pubbliċi bħat-televiżjoni u ma joqogħdux moħbija, ikun ħażin ħafna jekk imbagħad jinqdew irresponsabbilment bil-preżenza peżanti tagħhom biex – taparsi bħala fehma personali – jattakkaw kif ġieb u laħaq individwi li jidhrilhom li ma jkunux jaqblu magħhom.
Fil-programm Dissett (TVM 5 ta’ April 2017), il-preżentatur staqsa lill-Arċisqof Charles Scicluna għala d-direzzjoni l-ġdida tal-RTK imlaħħqa minnu ħolqot konfużjoni sħiħa fil-programmi tal-istazzjon u ħafna tbatija żejda li laqtet il-ħaddiema u l-preżentaturi, saħansitra fulltimers li ppreferew jitilfu ħobżhom milli jkomplu jaħdmu fl-ambjent il-ġdid. Biex iwieġeb għal din il-mistoqsija (jew aħjar biex jaħrab minnha) l-Arċisqof f’dak li sejjaħlu “djalogu ċivili ħafna” għoġbu jinfexx f’attakk personali fuq “professur tal-Università” li (fi kliemu) l-aħħar programm tiegħu “għamlu gerger-party”, u żied li dan l-aġir ma kienx denju ta’ professur universitarju filwaqt li saħansitra inkwadrah fost “ir-reazzjonijiet vjolenti, inaspettati u li juruk ħafna l-persunaġġ min ikun u xi jkun.” Għalkemm l-Arċisqof, li huwa avukat, qagħad attent li ma jsemminix b’ismi, l-għadd kbir ta’ semmiegħa li kienu jsegwu l-programm tal-RTK ma setgħux ma jintebħux li kien qed jirreferi għalija. Billi jien m’għandix minn xiex nistħi jew għalfejn ninħeba, m’għandi l-ebda diffikultà nistqarr dan bil-miftuħ.
Għal min ma jafx, għal dawn l-aħħar 13-il sena jiena (megħjun mis-Sur Thomas Pace u kollegi oħra) mexxejt il-programm Seħer il-Malti fuq l-RTK kull nhar ta’ Sibt, programm li fih kont nitkellem mas-semmiegħa dwar l-ilsien Malti u dejjem nisma’ fehmiethom. Dan, li għalija huwa estensjoni prattika tax-xogħol akkademiku tiegħi lil hinn mil-limiti tal-Università, kien sar appuntament regolari għal eluf ta’ semmiegħa f’Malta u Għawdex, kif ukoll għal bosta emigranti Maltin, li kienu jistennewh bil-ħerqa. Id-direzzjoni insensittiva l-ġdida ta’ Mons Scicluna dehrilha li l-programm kellu jiċċaqlaq mill-ħin ideali tiegħu waqt l-ikla tas-Sibt u jitqaċċatlu nofs il-ħin tiegħu. Deċiżjoni tagħhom. Imma l-kundizzjonijiet il-ġodda, li kienu jnaqqsu bil-kbir l-importanza ta’ dan il-programm u tal-lingwa Maltija fl-istazzjon, la ridna u lanqas stajna naċċettawhom. Fl-1 ta’ April, malli għarrafna lis-semmiegħa li dak kien l-aħħar programm tagħna, is-semmiegħa radmuna bit-telefonati li b’saħħa kbira wrew id-diżappunt qawwi tagħhom għal din it-telfa (tista’ tisma’ l-programm hawnhekk: https://audioboom.com/posts/5772694-seher-il-malti-01april2017). Il-programm tagħna, li per prinċipju kien dejjem miftuħ għat-telefonati u l-fehmiet tas-semmiegħa, ma setax jagħlqilhom ħalqhom din id-darba għaliex esprimew id-dwejjaq ġustifikati tagħhom. Minkejja dan, bil-maqlub ta’ dak li qal Mons. Scicluna, min-naħa tiegħi l-programm baqa’ miexi sal-aħħar bl-aġenda lingwistika tiegħu.
Ladarba kulħadd għandu jkun responsabbli ta’ kliemu, iktar u iktar fuq il-midja, se nagħmel dawn il-mistoqsijiet lill-Arċisqof dwar dak li qal fil-programm Dissett u, la huwa daqshekk aċċessibbli għall-midja, nistenna li bl-irġulija jweġibhomli pubblikament.
1. Huwa sewwa li meta l-vuċi qawwija tal-pubbliku ma taqbilx ma’ tagħna nippruvaw nirredikolawha billi nsejħulha “gerger-party”? Jaqaw il-kotra trid tkun bilfors merħla kwieta li taċċetta kollox u tibla’ kulma ngħidulha aħna? Għaliex dan il-ġudizzju jikkontradixxi bil-kbir dak li stqarrejt inti fl-istess programm fuq kemm għandek tagħti kas tal-opinjoni tal-pubbliku.
2. Tista’, bi prova ta’ dak li għedt, tikkwotali mill-programm imqar frażi waħda jew mument wieħed li fihom kien hemm xi “reazzjoni vjolenta u inaspettata” min-naħa tiegħi, jew li bihom jien xewwixt is-semmiegħa jew urejt imġiba “indenja għal professur universitarju”?
Ma tridx wisq biex tinduna li d-direzzjoni l-ġdida tal-RTK bħalissa hija maħkuma minn paniku kbir b’riżultat tal-istraġi li qed issir fih u tar-reazzjonijiet bla waqfien tas-semmiegħa Manwel Mifsud
3. Jiena professur universitarju anzjan, sa issa – niżżiħajr ’l Alla – rispettat mill-istudenti, mill-kollegi, mis-semmiegħa, u mid-diriġenti tal-RTK ta’ qabel, nies rispettabbli u maħbubin bħas-Sur Karl Wright, ir-Rev. John Avellino u s-Sur Tonio Bonello. B’liema arroganza u irresponsabbiltà tasal biex ixxerred din il-malafama fuqi (li ma tafnix) u takkużani bla provi bi mġiba li mhix denja ta’ professur universitarju, u b’hekk tagħmilli ħsara professjonali? Jaqaw meta xi ħadd ma jaqbilx miegħek, kull mezz u kull arma f’daqqa jsiru ġustifikati? Allura kemm nistgħu noħduk bis-serjetà meta tippridkalna kontra d-diskors ta’ mibegħda?
4. Jiena servejt lir-radju RTK lealment billi ssagrifikajt kull nhar ta’ Sibt għal 13-il sena sħaħ, u l-uniku ringrazzjament li rċevejt mingħandek bħala impjegatur tiegħi kien dan l-attakk pubbliku vjolenti fuqi. Ma taħsibx li dan huwa eżempju mill-agħar għal kull min bħalek imexxi azjenda u jħaddem in-nies miegħu?
Jiena nista’ nistqarrlek li, minkejja din l-offiża pubblika, jiena nħossni msaħħaħ mill-appoġġ qawwi li rċevejt minn mijiet ta’ semmiegħa, kemm qabel u iktar wara l-kelma tiegħek. Lil dawn kollha, kif ukoll lid-direzzjoni l-ġdida tal-RTK, nista’ nserrħilhom rashom li l-programm Seħer il-Malti – dak ta’ veru – ma jdumx ma jkompli fuq stazzjon ieħor, għaliex f’temp ta’ ġimgħa rċevejna l-offerta minn tliet stazzjonijiet ewlenin tal-gżira. Għalhekk, tikkonfondux, għax il-“gerger-party” se jkompli... imma band’oħra.
F’dimensjoni usa’ u lil hinn minni, l-aġir tal-Arċisqof fi kwistjoni relattivament żgħira huwa inkwetanti ħafna, u ma jistax ma jħassibx lil kull min għandu għal qalbu l-espressjoni ħielsa. Nittama biss li qed nara ħażin. Ma tridx wisq biex tinduna li d-direzzjoni l-ġdida tal-RTK bħalissa hija maħkuma minn paniku kbir b’riżultat tal-istraġi li qed issir fih u tar-reazzjonijiet bla waqfien tas-semmiegħa. Il-kliem żbaljat tal-Arċisqof, imlibbes b’ironija qarsa imma trasparenti, mhuwiex ħlief dak li T.S. Eliot (f’Murder in the Cathedral) isejjaħlu “the desperate exercise of failing power”. Possibbli li, minkejja l-qoxra moderna, minkejja d-diskors kollu dwar Knisja li tisma’ u tifhem, mal-inqas diffikultà jew fehma differenti, terġa’ tirkaċċa l-Knisja l-qadima li tipprova tkisser lil min ma jaqbilx magħha biex tagħlaqlu ħalqu?
M’għandniex xi ngħidu, ta’ din l-imġiba irresponsabbli u indenja, qed nistenna mingħand l-Eċċellenza Tiegħu apoloġija pubblika daqs l-offiża li għamilli, għax id-dinjità ta’ kulħadd hija għażiża. Jekk l-Arċisqof Scicluna għandu dik l-umiltà u l-onestà li dejjem jitkellem fuqhom, m’għandux isibha diffiċli biex isewwi l-ħsara pubblika li għamel lili u lis-semmiegħa.
Għax, fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd jista’ jiżbalja.
Prof. Manwel Mifsud