Il-Ħames Distrett qed ikompli jkun wieħed illi fih iċ-ċaqlieq u l-manuvri se jibqgħu għaddejjin. Għalkemm dan id-distrett jibqa' wieħed bi predominanza kbira Laburista, l-Partit Laburista xorta għaddej b'ġirja sħiħa biex apparti voti ġodda, jassigura li 8,500 voti li marru għand il-PL fl-2013. Kienu Karmenu Vella u Marlene Farrugia, l-aktar li ġabu voti mill-lista Laburista b'Vella waħdu jġib aktar minn 5,231 vot. Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu li l-aħħar żvilupp mill-Partit Laburista huwa li l-Minstru Edward Scicluna ddeċieda li ma jkunx kandidat fuq dan id-distrett.
L-Illum.com.mt tinsab infurmata illi l-Ministru Scicluna, minkejja li huwa meqjus bħala Ministru 'kompetenti ħafna' minn votanti Laburisti, imma anke Nazzjonalisti, huwa nieqes mill-ikkampanjar fuq bażi distrettwali. Dan jagħmel lil Scicluna popolari, imma mhux l-għażla ta' ħafna meta jikkonċerna l-vot. Fl-aħħar elezzjoni, Scicluna kien kiseb ammont konsiderevoli ta' 1,707 voti minn dan id-distrett, li għamlu it-tielet kandidat Laburista li ġab voti. Dan ifisser li b'Scicluna barra mill-lista fuq dan id-distrett, il-voti "Laburisti" li marru għand kandidat li mhux se jkunu fuq il-lista issa, żdiedu għal 10,200.
Il-Ħames Distrett issa se jkun pjuttost miġġieled fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wkoll li se jkun qed jipprova jerġa jikseb it-tieni siġġu li tilef fl-2013.
Il-probabilità hija illi l-kandidata Nazzjonalista u Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia tikkontesta dan id-distrett ukoll. Minkejja li Farrugia jaf tiġbed ammont ta' voti ta' Laburisti diżillużi, dawk li tkellmu ma' dan is-sit qalu li l-kandidatura ta' Farrugia, se tfisser ġirja qawwija bejnha u Toni Bezzina, popolari wkoll mal-votanti Nazzjonalisti f'din il-lokalità.
"Il-mistoqsija tibqa', jekk Farrugia hux se tikseb aktar voti minn Bezzina li huwa b'saħħtu l-aktar fiż-Żurrieq. Jekk in-Nazzjonalisti jivvutaw lil Marlene imma l-PN ma jirbaħx it-tieni siġġu, tista' tfisser illi l-karriera ta' Bezzina fikl-Parlament tieqaf mal-elezzjoni," sostna attivist tal-PN mill-ħames distrett."
Intant, jidher illi l-Kandidat Herman Schiavone, minkejja li huwa popolari kemm f'Birżebbuġa u anke Marsaxlokk, bl-aħħar bidliet fil-konfini elettorali qala' xi ftit ta' għaddsa l-isfel, fil-prospetti li jkun elett mill-Ħames distrett. Marsaxlokk issa sar parti mit-tielet distrett.