Se jiftħilha libell u qed jitlob lill-Qorti tisimgħu b'urġenza

Iċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri se jiftaħ libell lil DCG wara li din allegat illi għandha informazzjoni li 'ammonti kbar ta' flus' spiċċaw fil-kontijiet Egrant, Tillgate u Hearnville

Fi stqarrija, wara blog partikolari li ttela' minn Daphne Caruana Galizia, ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-PM Keith Schembri qal illi nhar it-Tnejn li ġej "se nkun qed niftaħ libell lil Daphne Caruana Galizia dwar allegazzjonijiet fabbrikati li qed terġa’ tagħmel fil-konfront tiegħi. Niċħad l-istorja li qed ixxerred fl-intier tagħha."!

Fil-blog tagħha Caruana Galizia qalet illi waslilha informazzjoni dwar ta' min kienet il-kumpanija Egrant li ġiet xolta fl-aħħar ġranet u li waslitilha informazzjoni wkoll ta' "ammonti kbar ta' flus minn kont tal-bank fl-Azerbaijan għal kontijiet ta' sidien ta' Egrant, Hearnville (il-kumpanija ta' Konrad Mizzi) u Tillgate (il-kumpanija ta' Keith Schembri).”

Jekk hija tant ċerta minn dak li qed tgħid għandha hi stess taqbel mal-urġenza biex il-provi ta’ dak li qed tgħid tkun tista’ tressaqhom malajr Keith Schembri

Minn naħa tiegħu Schembri qal illi se jitlob ukoll lill-Qorti "biex tisma’ dan il-libell b’urġenza biex jinqata’ fl-iqsar żmien. Jekk hija tant ċerta minn dak li qed tgħid għandha hi stess taqbel mal-urġenza biex il-provi ta’ dak li qed tgħid tkun tista’ tressaqhom malajr fil-Qorti. Min jagħmel allegazzjonijiet għandu d-dmir jissostanzjahom."

Schembri saħaq illi "t-taħwid intern fil-Partit Nazzjonalista se jiftaħ staġun ta’ gideb u aħbarijiet foloz. Determinat li ma nħallix iktar gideb u fabbrikar ta’ stejjer fuqi."

Intant anke l-Ministru Konrad Mizzi se jiftaħ libell kontra l-blogger fir-rigward tal-allegazzjonijiet li għamlet dwaru, u bħal Schembri, se jagħmel talba lill-Qorti sabiex il-każ jinstema' b'urġenza.

Mizzi sostna li l-allegazzjonijiet ta' Caruana Galizia huma foloz u huwa qiegħed jiċħad kollox bis-saħħa, hekk kif sostna li ebda somma ta' flus ma ġiet trasferita lill-Hearnville Inc. Infatti, Hearnville Inc. lanqas qatt biss kellha kont il-bank. Mizzi żied isostni li huwa qatt ma żar il-Pilatus Bank. Fuq kollox, Mizzi tenna biċ-ċar li ebda tip ta' fondi minn, jew relatati mal-Azerbaijan ma ġew trasferiti lilu jew lil xi membru tal-familja tiegħu.

"Daphne Caruana Galizia qed tigdeb sfaċċatament," tenna Konrad Mizzi

Il-Ministru Mizzi talab li jsir awditjar indipendenti tal-kontjiet familjari fi New Zealand u ta' Hearnville Inc.

Minn naħa tagħha, Daphne Caruana Galizia irrispondiet fuq il-blog tagħha, li Konrad Mizzi u Keith Schembri jistgħu jiftħu libelli kemm iridu.

Il-Blogger qalet li jgħidu xi jgħidu, xorta ħadd ma jemminhom. Hija fakkret li meta kienet ħarġet l-istorja dwar il-kumpaniji fil-Panama u t-trusts fi New Zealand, huma wkoll kienu qalu li qed tigdeb, iżda ma kienitx.

Caruana Galizia temmet tgħid li Mizzi u Schembri minn naħa tagħhom, ma waqfu qatt jigdbu, u issa ovvjament, jinsabu fi stat ta' paniku.

More in Politika