Il-PN ilu 'preparat għal elezzjoni din is-sena mill-2014'

  • Laqgħat interni fil-PN ftit wara l-elezzjonijiet tal-PE fl-2014 immiraw lejn elezzjoni fl-2017
  •  Sentiment b'saħħtu fost in-Nazzjonalisti li se tkun elezzjoni diffiċli
  • Il-PN iwiegħed li għad fadal kandidati ġodda xi jħabbar

Minkejja kollox ħafna Nazzjonalisti jħossu li t-triq se tkun għat-telgħa waħda sew fl-elezzjoni li jmiss
Minkejja kollox ħafna Nazzjonalisti jħossu li t-triq se tkun għat-telgħa waħda sew fl-elezzjoni li jmiss

Minkejja kull impressjoni li tista’ qed tingħata, il-PN ilu li mmira għall-elezzjoni din is-sena, minn tliet snin ilu, fl-2014.

Sorsi fi ħdan il-PN li tkellmu mal-ILLUM żvelaw kif f’laqgħat ta’ strateġija għat-tmexxija tal-PN lura fl-2014, ftit wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kien deċiż li l-PN jipprepara lilu nnifsu għal elezzjoni fl-aħħar kwart tas-sena 2017, minflok fil-bidu tal-2018.

Għal dawn il-laqgħat attendew l-ogħla uffiċċjali tal-PN, fosthom il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, iż-żewġ Viċi Kapijiet tal-PN Beppe Fenech Adami u Mario De Marco, l-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said, il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Anne Fenech, il-President tal-Kunsill Ġenerali Paula Mifsud Bonnici, it-Teżorier Alex Perici Calascione kif ukoll il-President tal-Kunsill Amministrattiv Karol Aquilina.

Infurmati bil-possibilità kbira ta’ elezzjoni fis-sena 2017, kienu wkoll il-Presidenti kollha tal-fergħat diversi fil-PN.

Intant dawk li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi r-raġuni għalfejn il-PN immira għal elezzjoni din is-sena, kienu tlieta; il-fatt li Malta għandha l-Presidenza matul din is-sena, l-aspett strateġiku tas-sorpriża li biha jaħdem Muscat u anke l-każijiet, kemm qabel u anke wara l-istess laqgħat, li imbarazzaw mhux ftit lill-Gvern.

Minkejja dan iżda l-PN għadu qed jiffaċċja tliet probemi partikolari. L-ewwel huma l-finanzi tal-partit, it-tieni hija n-nuqqas ta’ kandidati ta’ ċerta saħħa u fl-aħħar is-sentiment li dik li ġejja se tkun elezzjoni diffiċli biex il-PN jirbaħ.

Il-PN iwiegħed li se jħabbar aktar kandidati fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin

Sorsi differenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi l-finanzi għadhom problema. Sors partikolari qal lil din il-gazzetta li f’Għawdex il-kampanja se tkun iffinanzjata mill-flus miġburin minn Għawdex stess fl-attvitajiet ta’ ġbir ta’ fondi. Normalment il-Partit kien jalloka ammont ta’ flus għall-kampanja f’Għawdex biss.

Persuna oħra qalet lil din il-gazzetta illi l-PN, minkejja li ilu ppreparat mil-laqgħat fl-2014 mhux se jkollu “xi war-chest kbira. Il-partit għad għandu problemi fil-finanzi tiegħu, anke jekk fil-fatt is-sitwazzjoni tjiebet mhux ħażin bir-ristrutturar u bejgħ ta’ numru ta’ assi.”

Skont rapport li kien deher fuq il-gazzetta tal-General Workers Union (GWU) l-Orizzont, fit-13 ta’ Settembru 2016 il-PN qed ‘jissielet’ ma’ dejn li jlaħħaq it-€22 miljun.

Intant minkejja li f’ċerti distretti l-PN għadu qed ibati biex ikollu tim b’saħħtu ta’ kandidati, li jħabbatha sew ma’ dik tal-Partit Laburista,  kelliem għall-PN qal lil din il-gazzetta li filwaqt li llum l-istess partit għandu varjetà ta’ kandidati, “bla dubju ta’ xejn, in-numru ta’ kandidati se jkompli jikber fil-ġimgħat u xhur li ġejjin."

Għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta dwar kif il-PN qed jipprepara għal possibilità, issa dejjem aktar probabli, ta’ elezzjoni f’Novembru kelliem għall-PN qal  li “l-Partit Nazzjonalista jinsab lest biex fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, joffri lill-poplu Malti u Għawdxi paġna ġdida għall-mod kif isiru l-affarijiet, kif ukoll biex l-ekonomija tkun sostenibbli u minnha jgawdi kulħadd, ikun hawn ġustizzja soċjali, kif ukoll ikun hawn ħarsien xieraq tal-ambjent. Iż-żmien fl-Oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista ma ħliehx, anzi ilu mill-2014, jaħdem fuq proposti konkreti li diġà beda jippreżentahom lill-poplu Malti u Għawdxi, u dan se jkompli jagħmlu fil-ġimgħat li ġejjin.”

Intant mistoqsi wkoll minn din il-gazzetta jekk il-PN għandux kampanja tal-media lesta għall-elezzjoni, l-istess Kelliem sostna li “l-Partit Nazzjonalista se jkun qed juża l-mezzi kollha possibbli biex iwassal il-messaġġ tiegħu u jasal fid-djar kollha Maltin u Għawdxin. Bla dubju ta’ xejn, il-kampanja tal-propoganda diġà qiegħda fi żbilanċ, meta l-Partit Laburista għandu l-PBS u d-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) li, ta’ kuljum, huma żbilanċjati bi propoganda diretta favur il-Gvern u kontra l-Oppożizzjoni.”

Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta saħqu illi minkejja l-għajta kontinwa ta’ Busuttil li l-PN se jirbaħ l-elezzjoni li jmiss u minkejja li saħansitra wiegħed lill-Prim Ministri u Mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) ‘Gvern ġdid tal-EPP f’Malta din is-sena’ fost l-għeruq tal-PN mhux neċessarjament qed jinħass dan is-sentiment.

“Is-sentiment fost ħafna Nazzjonalisti huwa li se tkun elezzjoni diffiċli,” qalilna sors mill-PN. “L-aktar li jingħad dan huwa minħabba r-riżultat tal-aħħar elezzjoni. Apparti dan ta’ min wieħed ifakkar illi fl-istorja politika riċenti l-ebda Gvern qatt ma tilef elezzjoni wara l-ewwel leġiżlatura sħiħa. Ħafna jħossu li n-nies se jkomplu ma’ din ix-xejra u jerġgħu jeleġġu lil-Labour.”

More in Politika